Tuesday, December 24, 2024

ARA: Uffiċjal Korrettiv illiberat minn kull akkuża

“Irnexxielna noħorġu l-verità… li dan ir-raġel kien innoċenti”

Aqra wkoll

Wara allegazzjonijiet ta’ abbuż minn priġuniera ta’ 15-il sena fl-2018

Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera lliberat Uffiċjal Korrettiv minn kull akkuża wara allegazzjonijiet ta’ abbuż li kienu saru minn priġuniera ta’ 15-il sena waqt li din kienet qiegħda tinżamm fil-faċilità korrettiva għar-residenti tfajliet fl-Imtaħleb.
Joseph Zammit ta’ 58 sena kien tressaq il-Qorti mixli li ħames snin ilu pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni u li ssoġġetta lilha u lil ħabiba tagħha għal xi att ta’ intimità fiżika jew li talab favuri sesswali mingħandhom. Din l-istess tfajla kienet ukoll akkużatu li stupraha.

L-allegata vittma kienet akkużat lil Zammit b’avvanzi sesswali, b’kummenti sesswali li allegat li kien jgħaddilha. Allegat ukoll li l-uffiċjal korrettiv kien jidħol fuqha waqt li kienet tkun tinħasel, jinqeda bil-vulnerabilità tagħha u jistedina tipparteċipa f’atti sesswali.

Zammit iżda baqa’ jsostni l-innoċenza tiegħu, b’kollegi tiegħu jixhdu fil-Qorti kemm kien raġel eżemplari u li dejjem sabu għajnuna mingħandu. Wieħed mix-xhieda kien enfasizza li l-allegata vittma kienet tkun aggressiva u nervuża fuq l-uffiċjali nisa u anke fuqhom u saħansitra tkellimhom b’mod baxx u toffendihom.

Wara li semgħet il-każ, il-Qorti tal-Maġistrati kienet iddeċidiet li dan kien każ ċar ta’ storja vvintata fejn anke ddeskriviet lill-allegata vittma bħala “makakka” u konsegwentement illiberatu mill-akkużi. L-Avukat Ġenerali mbagħad kien appella mis-sentenza.

Quddiem il-Qorti tal-Appell, instema’ kif tressqu bosta xhieda li kkonferma kemm Zammit kien serju f’xogħlu u li kien persuna bieżla. Instema’ wkoll kif l-imputat ma kienx imur fid-diviżjoni tan-nisa qabel ma jċempel lil gwardjana mara u jgħidilha li kien dieħel.

Apparti minn hekk, waqt li kienu jkunu għassa mal-priġunieri, l-akkużat fl-ebda ħin ma kien jitħalla waħdu mal-priġunieri nisa. Kien hemm gwardjana li saħansitra anke tgħid li kienet tinżel għax-xogħol miegħu fil-vettura u qatt ma rat għajn ħażina mingħandu.

Dwar l-allegazzjoni li l-allegat fastidju seħħ fil-kamra tal-washroom, il-Qorti nnotat li kien hemm diversi cameras tas-sigurtà u staqsiet għaliex il-prosekuzzjoni ma kinux ppreżentaw l-ebda filmat.

Ingħad ukoll li l-allegata vittma kellha ġlieda ġewwa l-YOURS f’Jannar tal-2019 ftit wara li kienet għamlet dan ir-rapport u din qalet lill-gwardjani rġiel li kienu qed jipprovaw idaħħluha fiċ-ċella li jekk imissuha “kienet ser tagħmlilhom kif għamlet lil Sir Joey” u għalhekk ifisser li kienet konxja tal-fatt li r-rapport li għamlet kontra l-akkużat kien inveritier.

Jingħad ukoll kif stqarr il-gwardjan maskili li meta pprova jdaħħalha fiċ-ċella neħħiet il-flokk u bdiet tallega li kien il-fizzjal li neħħihula u dan sabiex taqlagħlu l-inkwiet. Dan kollu, qalet il-Qorti, juri l-karattru tagħha jiġifieri li ma tiddejjaqx iddaħħal in-nies fl-inkwiet u takkużahom b’fatti li mhumiex veri.

Il-Qorti rat ukoll il-fedina penali tal-allegata vittma u l-ħabiba tagħha minn fejn irriżulta li t-tnejn li huma “ma kinux novelli” tant li t-tnejn li huma għandhom diversi reati reġisrati minkejja l-età tenera li kellhom.

Dan ukoll isaħħaħ it-teżi tad-Difiża li ma kinux se jiddejqu jiffabbrikaw storja fil-konfront ta’ persuna li kienet innoċenti u dan bħala forma ta’ revenge. Jingħad li f’dan il-każ, kif stqarret l-allegata vittma stess, hija riedet tpejjep u kienet ilha tistaqsi lill-akkużat għal lighter u dan dam ħafna ma jtihielha jekk fil-fatt verament tahielha.

Hawnhekk ukoll l-allegata vittma tbiddel il-verżjoni tagħha għaliex għall-eewwel tgħid li ġabitha mill-Qorti meta kellha seduta lejliet tal-inċident u lis-social worker qaltilha li kien l-akkużat li tahielha.

Intant, il-fatt li l-Avukat Ġenerali ma akkużatx lill-imputat bir-reat ta’ stupru meta l-minorenni tallega li daħħal subgħajh fil-parti privata tagħha jfisser ħafna, u jiġifieri li ma emmnithiex għaliex li kienu emmnitha “żgur li kienet takkużaha b’dan ir-reat”.

L-akkużat kif tajjeb ukoll osservat l-Ewwel Qorti għażel li jixhed u jagħti spjega għad-domandi kollha li sarulu u dan b’mod kostanti u kredibbli. Fl-ebda ħin ma kien evażiv u ta spjega ta’ kull domanda li ġiet imposta lilu. Dan jikkontrasta max-xhieda tal-allegati vittmi li f’ħin minnhom kienu evażivi u inċerti.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti tal-Appell qalet li ma tarax għaliex ma kellhiex tikkonferma s-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti li għażlet li temmen lill-akkużat u tiskarta x-xhieda tal-vittmi u dan fid-dawl tal-karattru vindikattiv tagħhom.

Kien għalhekk li kkonfermat is-sentenza fl-intier tagħha u għal darba oħra lliberat lil Zammit minn kull imputazzjoni u piena. Għal Zammit dehru l-Avukati Franco Debono u Herman Mula.

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal wara l-għoti tas-sentenza, Dr Herman Mula sostna li dan kien każ li mill-ewwel ġurnata li daħal fih, flimkien ma’ Dr Debono li sellimlu għax-xogħol siewi tiegħu sa mill-bidu nett, induna li l-klijent tiegħu kien tassew innoċenti.

“Ridna noħorġu dan għax mhux faċli meta persuna tkun akkużata b’dan il-mod. Wieħed irid iqis li uffiċjali korrettivi li jaħdmu ġewwa l-Faċilità, jiltaqgħu ma’ ħafna minn dawn id-diffikultajiet. Illi sfortunatament għal dan ir-raġel u jista’ jkun kwalunkwe persuna oħra li taħdem f’dan il-post, li tkun esposta għal allegazzjonijiet li jkunu totalment ivvintati,” kompla jgħid Dr Mula.

Minkejja dan, huwa tenna li bil-ħidma kontinwa tagħhom irnexxielhom joħorġu l-verità, u ħarġet l-innoċenza ta’ dan ir-raġel kif fil-fatt kien ikkonfermat mill-Qorti.

Ekonomija

Sport