Thursday, December 19, 2024

Arrestat Serb li kien imfittex fuq ġlieda f’Wied il-Għajn… darab erba’ pulizija li marru jarrestawh

Aqra wkoll

Investigazzjonijiet konġunti bejn il-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla u tar-Rapid Intervention Unit wasslu sabiex ilbieraħ jinstab u jiġi arrestat Serb ta’ 33 sena li kien qed jiġi mfittex b’rabta ma’ feriment waqt ġlieda li seħħet aktar kmieni din is-sena. 

Il-każ seħħ nhar is-17 ta’ Frar, 2022, f’stabilliment fi Triq ix-Xatt, Wied il-Għajn. F’din il-ġlieda kien weġġa’ gravi raġel ta’ 29 sena residenti Wied il-Għajn, bl-allegat aggressur ħarab minn fuq il-post. 

Wara investigazzjonijiet intensivi, ilbieraħ, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li l-persuna mfittxija qiegħda fi stabbiliment fi Triq ix-Xatt il-Gzira. Għaldaqstant, fuq il-post marru immedjatament tar-Rapid Intervention Unit u malli s-Serb induna bil-preżenza tagħhom ipprova jaħrab. 

Madankollu, waqt li kien qiegħed jiġi arrestat huwa beda jkun aggressiv fil-konfront tal-pulizija u anke rreżista l-arrest. Konsegwenza t’hekk, erba’ pulizija sofrew xi ġrieħi u ngħataw l-assistenza medika fl-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi ħfief. 

Ir-raġel qed jinżamm arrestat fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin. 

Ekonomija

Sport