Friday, April 26, 2024

Arrestati l-immigranti kollha li ħarbu matul ir-rewwixta f’Ħal Safi… l-uffiċjali midrubin jitilgħu għal sebgħa

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Pulizija qed iżżomm 27 immigrant wara li kkawżaw ħsarat fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni f’Ħal Safi. Ħamsa minn dawn il-persuni miżmuma ġew arrestati wara li ħarbu u nqabdu kollha mill-Pulizija. 

Kien propju kmieni għall-ħabta tas-2:00 a.m meta l-Pulizija tad-Distrett, tar-Rapid Intervention Unit (RIU) u l-iSpecial Intervention Unit (SIU), kif ukoll membri mill-Forzi Armati ta’ Malta, issejħu biex jikkontrollaw numru ta’ immigranti li bdew jagħmlu ħsarat kif ukoll jitfgħu ġebel fid-direzzjoni tal-ħaddiema taċ-ċentru. 

Waqt li l-Pulizija bdiet tikkontrolla s-sitwazzjoni, uħud mill-immigranti weġġgħu seba’ Pulizija tar-RIU. Għaldaqstant, issejħu timijiet mediċi li taw l-ewwel għajnuna, u ambulanza li ħadet żewġ Uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija l-Isptar Mater Dei għal aktar assistenza medika. Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi. 

Minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li l-ħames immigranti, li aktar tard inqabdu, kienu ħarbu wara ħebbew għall-Uffiċjali tas-Servizzi tad-Detenzjoni b’ġebel u ħadid. 

Irriżulta wkoll li wieħed mill-immigranti maħruba ġarrab ġrieħi wara li uffiċjal tas-sigurtà ta’ kumpanija privata allegatament spara lejn immigrant b’senter li kien fil-vettura tiegħu. L-immigrant ittieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ħfief. L-uffiċjal qed jinżamm mill-Pulizija għal aktar investigazzjonijiet. 

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin u nħatret inkjesta maġisterjali li qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Dr Doreen Clarke.

Sport