Monday, May 13, 2024

Aspirazzjonijiet għal pensjoni adegwata: It-triq tar-riforma tal-pensjonijiet (2)

- Jikteb is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja

Aqra wkoll

Ir-riformi tas-sistema tal-pensjonijiet għandhom l-għan li jibbilanċjaw bejn id-dħul adegwat biex il-pensjonanti jgħixu ħajja dinjituża u s-sostenibbiltà ta’ sistema. Għalhekk, għall-persuni mwielda fl-1962 u wara, is-sistema ġiet maħduma b’mod li n-nies kellhom jaħdmu aktar biex jiksbu aktar kontribuzzjonijiet, u ġiet stabbilita formula ġdida għall-kalkolu tad-dħul tal-pensjoni.

F’termini ta’ adegwatezza, il-bidla importanti maġġuri kienet l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ indexing li jiżgura li kemm id-Dħul Pensjonabbli Massimu (MPI – maximum pension income) kif ukoll li l-pensjonijiet bdew jiżdiedu kull sena. Għal dan il-grupp ta’ persuni, l-indexing kien maqsum bejn 70 % inflazzjoni tal-paga u 30 % inflazzjoni ġenerali – u b’hekk żamm l-istess andament, għalkemm mhux kompletament (ir-Reviżjoni Strateġika tal-Pensjoni tal-2020 kienet tirrakkomanda li din l-indexing jiġi applikat għall-persuni kollha irrispettivament mid-data tat-twelid, u l-Gvern introduċa din il-miżura fil-baġit tal-2024).

B’hekk, bejn l-2007 u l-2024, id-Dħul Pensjonabbli Massimu żdied minn €15,728 għal €27,679. Filwaqt li dan se jirriżulta f’pensjoni ogħla, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dan iġib miegħu spiża ogħla kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegat – għal dawk li jaqilgħu sa dak il-limitu – peress li żdiedet il-kontribuzzjoni massima ta’ 10% mħallsa mill-impjegat u min iħaddem, minn €1,572 fis-sena għal €2,767 fis-sena matul dan il-perjodu.

Il-kwistjoni dwar jekk id-dħul tal-pensjoni tal-istat hux adegwat għandha tiġi evalwata minn żewġ angoli. L-ewwel angolu jirrigwarda lil dawk li l-paga tagħhom mhix ogħla mid-Dħul Pensjonabbli Massimu. Persuni bħal dawn se jirċievu l-ammont adegwat ta’ 67% stabbilit mis-sistema ta’ żewġ terzi. B’hekk, persuna li għandha paga ta’ €18,452, se jkollha pensjoni ta’ j€12,300 fis-sena, jiġifieri ż- żewġ-terzi jew 67%. 

Rigward persuni li għandhom dħul baxx, fejn il-paga medja hija ta’ €1,189 fix-xahar, jew €14,268 fis-sena, il-pensjoni taghħom ukoll tkun ta’ żewġ terzi tal-paga taghħom jew 67%.    Id-domanda prinċipali fir-rigward taghħom hi jekk persuna b’dħul baxx għandhomx jiġu mħeġġa iġemmgħu oltre l-pensjoni tal-istat. L-argument, f’dan il-każ, hu tali li mhux sew li lil dawn in-nies iġġiegħelhom iwarrbu l-flus għal meta jirtiraw. Dan għaliex dawn il-persuni spiss jgħixu minn paga għal paga.

Jekk se tħeġġiġhom biex iwarrbu l-flus għall-irtirar se żżid il-pressjoni fuqhom biex ikunu jistgħu jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom li jinqalgħu minn żmien għal żmien. F’dan il-każ l-enfasi hija li dawn il-persuni jżiedu l-ħiliet u kompetenzi li jagħmlu baġit, jagħrfu d-differenza bejn xewqa u bżonn, jiffrankaw għal meta jinqala’ xi ħaġa, iħallsu d-dejn, u jevitaw li jinqarsu (scams).  

Il-paga medja fl-2023 hija ta’ €22,176. Din taqa’ taħt id-Dħul Pensjonabbli Massimu. Għalhekk il-kuntratt soċjali ta’ 67% fir-rigward tagħhom huwa garantit. Jekk wieħed jassumi li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha biex jikkwalifikaw għall-pensjoni massima, huma jirċievu pensjoni ta’ €1,232 fix-xahar. 

Jekk ikunu kapaċi jwarrbu ammont żgħir fix-xahar f’pensjoni privata, x’aktarx, meta jirtiraw, ikunu f’pożizzjoni li jkollhom dħul mill-pensjoni adegwat permezz tal-pensjoni tal-istat u dik privata li tkun ugwali għall-paga sħiħa tagħhom waqt li kienu qed jaħdmu.

Dan mhuwiex il-każ iżda għall-persuni li l-pagi tagħhom huma ogħla mid-Dħul Pensjonabbli Massimu . Il-paga medja fost dawn in-nies hija ta’ €2,995 – jew €35,940 fis-sena fl-2023. Id-Dħul Pensjonabbli Massimu, ovvjament, jibqa’ l-linja bażi. B’hekk, l-intitolament massimu tal-pensjoni tagħhom se jkun ta’ żewġ terzi tad-Dħul Pensjonabbli Massimu – €18,452. Dan ifisser li meta jilħqu l-età tal-irtirar, id-dħul tagħhom se jonqos bi €17,398. Iktar ma jkun għoli s-salarju li persuna taqla’ qabel l-irtirar meta mqabbel mad-Dħul Pensjonabbli Massimu, iktar ikun kbir id-distakk bejn id-dħul li taqla’ fl-impjieg u d-dħul tal-pensjoni. U l-impatt akbar fuq il-kwalità tal-ħajja tagħhom waqt l-irtirar sakemm ma jkunux ippreparaw għaliha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport