Monday, May 13, 2024

L-Awtorità tal-Artijiet tgħaddi t-Torri tal-Kaptan lill-Kunsill Lokali tan-Naxxar

Aqra wkoll

It-Torri tal-Kaptan fin-Naxxar se jgħaddi formalment għand il-Kunsill Lokali tan-Naxxar wara ftehim li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli waqt żjara fuq il-post li matulha ġie ffirmat il-ftehim tad-devoluzzjoni.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz tal-ftehim li sar mal-Awtorità tal-Artijiet, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jirrinova din il-binja storika tas-Seklu 16 sabiex tkun tista’ titgawda mir-residenti u minn kull min iżur din il-lokalità.

Il-Ministru spjega kif il-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jkun qed jibbenefika mill-iskema l-ġdida tal-capping li tħabbret ftit tax-xhur ilu. Permezz ta’ din l-iskema, il-kirja tal-binja se tkun imraħħsa għal €500 biss fis-sena minflok il-valur propju tal-kirja li kien jilħaq is-€6,000. B’hekk il-Kunsill Lokali se jkun jista’ joffri aktar servizzi lill-komunità tan-Naxxar.

“Dan huwa sinjal ċar tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-Kunsilli Lokali, u għax nemmnu li l-membri tal-Kunsilli Lokali huma dawk li ta’ kuljum ikunu viċin ir-residenti u jafu eżatt x’inhuma ix-xewqat tagħhom u n-neċessitajiet li jirrikjedu,” temm jgħid il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli qalet li dan hu ftehim ieħor ta’ dan it-tip li qed jiġi ffirmat fi ftit tal-ġimgħat, u għalhekk dan hu xhieda tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-Kunsilli Lokali. Sostniet li permezz ta’ dan il-ftehim, l-Awtorità tal-Artijiet għaddiet f’idejn il-Kunsill Lokali tan-Naxxar it-Torri tal-Kaptan li huwa wirt storiku u li l-pjanijiet tal-Kunsill huwa li dan jinfetaħ bħala attrazzjoni turistika.

“Li nżommu l-komunitajiet tagħna attrezzati, kemm jekk hux b’ċentri, spazji miftuħa, faċilitajiet sportivi jew siti storiċi tibqa’ prijorità ta’ dan il-gvern. Huwa għalhekk li llum sar dan il-ftehim li permezz tiegħu se jsir ċentru turistiku u ta’ informazzjoni, u kif ukoll spazju għal għaqdiet volontarji fil-lokalità. Permezz ta’ dan il-ftehim se tkun qed tgawdi l-komunità Naxxarija kif ukoll dawk it-turisti u Maltin li jżuru din il-lokalità,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha għall-ftehim tad-devoluzzjoni li ġie ffirmat. “Issa jmiss li l-Kunsill Lokali jibda l-proċess biex jirrestawra dan it-Torri, proċess li jieħu żmien twil, iżda finalment l-Kunsill se jkun qiegħed iħalli ġawhra oħra lill-komunità tan-Naxxar,” stqarret is-Sindku u semmiet li bħala Kunsill mexxew numru ta’ inizjattivi u proġetti, kif ukoll spazji pubbliċi ġodda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport