Tuesday, November 10, 2026
Home Sport Assemblea Ġenerali: Irridu ngħinu lil kull player jiżviluppa u jkabbar il-kapaċitajiet uniċi...

Assemblea Ġenerali: Irridu ngħinu lil kull player jiżviluppa u jkabbar il-kapaċitajiet uniċi tiegħu, filwaqt li nħaddnu l-individwalità tiegħu – Bjorn Vassallo (President tal-MFA)

0
105

IIl-Malta Football Association qed tħejji ruħha għal pass importanti ieħor fl-iżvilupp tal-football Malti, b’riforma fis-settur tal-grassroots u programm estiż ta’ proġetti tekniċi mmirati lejn il-bini tal-ġenerazzjonijiet futuri ta’ players u coaches.

Dan ħareġ minn diskors li enfasizza l-importanza tal-investiment, it-taħriġ professjonali u l-kollaborazzjoni bejn l-entitajiet kollha involuti fil-football, bil-għan ewlieni jkun li ż-żgħażagħ jingħataw l-aħjar opportunitajiet biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

Fid-diskors tiegħu, il-President Vassallo qal:

“Kif rajtu llum il-ħidma tal-Assoċazzjoni fl-ambitu tekniku hija waħda mifruxa u fl-istess ħin mmirata. Mifruxa għaliex noperaw numru ta’ timijiet nazzjonali f’kategoriji differenti ta’ etajiet u mmirata għaliex strateġikament għandna jiggwidana objettiv uniku…dak li niżviluppaw il-players ta’ għada. U fil-futur se tkun aktar mifruxa u mmirata permezz ta’ kurrikulum nazzjonali ġdid li se nintroduċu flimkien mar-riforma fis-settur taż-żgħażagħ.

“Permezz tal-Bord Eżekuttiv intlabna nagħmlu reviżjoni tal-proġetti tekniċi pprogrammati u eżegwiti mill-Assoċjazzjoni u permezz tal-analiżi u l-ipproġġettar ppreżentajnilkom dawk li għandhom ikunu l-bażi fit-tkomplija tal-ħidma għas-snin li ġejja.

“Dan kollu jista’ jkompli jinħadem jekk inkomplu nikkollaboraw flimkien, jiġifieri l-ekos-sistema kollha tal-football u l-imsieħba prinċipali biex magħqudin nsaħħu l-perkors li qbadna.

“Illum l-investiment fil-proġetti tekniċi u l-assistenza diretta lill-klabbs u assoċjazzjoniet membri tagħna flimkien mal-organizazzjoni tal-kompetizzjonijiet domestiċi jagħmlu perċentwal qawwi min-nefqa tal-Assoċjazzjoni. Hu hekk għandu jkun għaliex aħna fabbrika tal-football u l-attenzjoni speċifika għandha tkun fuq il-logħba u xejn aktar, biex il-produzzjoni ttina lura dak li jixirqilna fuq livell ta’ pajjiż.

“Dan isir b’ħafna investiment, gwida professjonali, sistemi u infrastruttura tal-aqwa kwalita’, metodoloġija u b’dedikazzjoni kbira. Illum kuntenti li l-frott li ħdimna għalih beda jidher u biex żgur ma naqtgħux lura għaliex mhux kuntenti sa fejn wasalna, anzi rridu nikkonsolidaw u nespandu dejjem aktar, illum kif smajtu ħabbarna riforma essenzjali fis-settur tal-grassroots u aktar programmi tekniċi fuq livell ta’ timijiet nazzjonali biex inkomplu nibnu l-ġenerazzjonijiet ta’ players u kowċis futuri. Kull assistenza finanzjarja u kull sħubija barranija li għamilna u li se nkomplu nagħmlu fix-xhur li ġejja kienu u se jibqgħu mmirati biex noffru opportunitajiet dejjem aħjar liż-żgħazagħ tagħna.

“Dan kollu jista’ jkompli jsir bil-paċenzja u billi nħallu lill-professjonisti jaħdmu fuq dak li din l-Assemblea Ġenerali u l-fora l-oħra tal-Assoċjazzjoni jiddeċiedu għalih. Dawn il-ġranet ninsabu f’tieqa internazzjonali tal-Irġiel, għat-tim tal-kbar tieqa mportanti ħafna biex inkomplu nagħtu kontinwita fil-prestazzjonijiet u r-riżultati, filwaqt li fil-livelli l-oħra, jkunu xi jkunu r-riżultati l-għan aħħari jibqa’ l-iżvilupp tal-players.

“Fil-fażi tal-iżvilupp taż-żgħażagħ, huwa importanti li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ kull individwu. Ftakru, irridu ngħinu lil kull player biex jiżviluppa u jkabbar il-kapaċitajiet uniċi tiegħu, filwaqt li nħaddnu l-individwalità tiegħu. Madankollu, huwa importanti wkoll li, hekk kif jimxu ’l quddiem minn fażi għall-oħra ta’ l-iżvilupp, il-players jitgħallmu kif jilagħbu b’mod li jirrifletti l-individwalità tagħhom għall-benefiċċju tat-tim.

“Il-football huwa logħba ta’ tim, għalhekk, il-players iridu jitgħallmu t-teamwork u jwettqu rwoli speċifiċi fi ħdanu. Madankollu, dan m’għandux isir għad-detriment tal-iżvilupp tal-individwalità tagħhom matul dawn is-snin formattivi. Huwa għalhekk ukoll li se nkunu qed nirrikjedu livell ta’ liċenzjar fl-edukazzjoni tal-kowċis li jkun konformi ma’ dak li nemmnu għandu jkun it-tagħmil bil-kompetenza fil-fażijiet differenti ta’ dawn ir-riformi u proġetti tekniċi. 

“Irridu nkunu kapaċi nidentifikaw u nagħtu valur lill-espressjoni personali taż-żgħażagħ tagħna u ninkoraġġixxu logħob liberu, sabiex il-players ikunu jistgħu jesploraw u b’mod kreattiv inwassluhom jimbuttaw il-limiti tagħhom.

“Huwa hekk biss li ser jirnexxilna nkabbru l-ġenerazzjoni tal-futur biex niggarantixxu li kemm fuq livell ta’ klabbs u kif ukoll ta’ timijiet nazzjonali nwasslu players li kapaċi jagħmluha f’livelli ogħla tal-football. 

“Wara llum se nkunu qiegħdin immorru għand il-Bord Eżekuttiv biex inġibu l-approvazzjoni għal dawn il-proġetti li qiegħdin inressqu u sussegwentement tintensifika l-konsultazzjoni u fl-istess ħin l-MFA taħdem biex tiggarantixxi l-fondi neċessarji sabiex l-operat jibda skond kif skedat.

“Finalment nisħaq li dak li rnexxielna nagħmlu fl-aħħar snin itina s-saħħa u l-konvinzjoni biex b’kuraġġ u kunfidenza jwassalna għal deċiżjonijiet importanti li ta’ warajna se jgawdu minnhom.

“L-MFA tal-llum tinsab fuq sisien soda, għandha fejn tkompli tipprogressa u tespandi u bi tmexxija abbli u kapaċi persważ li se tkompli tirnexxi għall-ġid tal-football Malti u Għawdxi. Intom parti minn dan is-suċċess, dejjem kontu u persważ li se tibqgħu.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here