Tuesday, November 10, 2026
Home Sport Ir-Riforma fis-Settur tal-Grassroots fiċ-ċentru tad-diskussjoni tat-Tielet Assemblea Ġenerali mill-Malta FA għal din...

Ir-Riforma fis-Settur tal-Grassroots fiċ-ċentru tad-diskussjoni tat-Tielet Assemblea Ġenerali mill-Malta FA għal din is-sena

0
104

Minn Cristian Muscat

Aktar ħin ta’ logħob, aktar żgħażagħ jibqgħu fil-futbol u opportunitajiet ġodda biex il-plejers jagħmlu l-pass lejn il-futbol tal-kbar.

Dawn huma t-tliet għanijiet ewlenin tal-programm GoPRO, proposta ta’ riforma fil-futbol taż-żgħażagħ imfassla mill-Viċi President tal-MFA, Dr Matthew Paris, u ppreżentata waqt it-tielet Assemblea Ġenerali tal-Malta Football Association (MFA), li saret fis-Sala taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali.

Il-moħħ wara dan il-programm huwa Dr Matthew Paris, li ppreżenta pjan ambizzjuż biex jinbidel il-mod kif il-futbol taż-żgħażagħ jiġi organizzat f’Malta, mill-ewwel esperjenzi tat-tfal fil-logħba sal-mument li fih jibdew jilagħbu fil-futbol tal-kbar.

Il-proposta ta’ Dr Matthew Paris tipprevedi tliet livelli ta’ kompetizzjoni, timijiet B, aktar investiment fl-iżvilupp tal-plejers u passaġġ aktar ċar mill-futbol taż-żgħażagħ għal dak tal-kbar.

Aktar ħin ta’ logħob, aktar żgħażagħ jibqgħu fil-futbol u opportunitajiet ġodda biex il-plejers jagħmlu l-qabża lejn il-futbol tal-kbar. Dawn huma t-tliet għanijiet ewlenin tal-programm GoPRO, proposta ambizzjuża ta’ riforma fil-futbol taż-żgħażagħ imfassla mill-Viċi President tal-Malta Football Association (MFA), Dr Matthew Paris, u ppreżentata waqt it-tielet Assemblea Ġenerali tal-Assoċjazzjoni, li saret fis-Sala taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali.

Il-programm, bl-isem GoPRO – More Playing Time, More Retention, More Options, għandu l-għan li jibdel il-mod kif jiġi organizzat il-futbol taż-żgħażagħ f’Malta, mill-ewwel esperjenzi tat-tfal fil-logħba sal-mument li fih jibdew jieħdu sehem fil-futbol tal-kbar. L-idea ewlenija hija li jinħolqu aktar opportunitajiet għal kull plejer, irrispettivament mil-livell tiegħu.

Matul il-preżentazzjoni tiegħu, Dr Paris spjega li din ir-riforma hija meħtieġa fid-dawl ta’ diversi sfidi demografiċi u sportivi li qed tiffaċċja Malta.

Skont iċ-ċifri ppreżentati, ftit aktar minn 15,000 persuna huma affiljati mal-MFA, li jirrappreżentaw madwar 2.75% tal-popolazzjoni Maltija. Din ir-rata hija ferm aktar baxxa minn dik irreġistrata f’diversi pajjiżi Ewropej, fosthom il-Ġermanja, l-Iżlanda, id-Danimarka u l-Lussemburgu.

Dr Paris spjega li biex Malta tilħaq rata ta’ parteċipazzjoni ta’ 6% tal-popolazzjoni, ikun hemm bżonn ta’ madwar 34,000 persuna affiljata mal-futbol, jiġifieri aktar mid-doppju tan-numru attwali.

Sfida oħra hija t-tnaqqis fil-popolazzjoni taż-żgħażagħ Maltin. Bejn l-2013 u l-2023, in-numru ta’ Maltin bejn is-16 u t-30 sena naqas bi 19%, minn 79,560 għal 64,469. Il-projezzjonijiet jindikaw li dan in-numru jista’ jkompli jonqos għal madwar 52,000 sal-2034.

Għaldaqstant, wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-programm huwa li aktar tfal jibdew jipprattikaw il-futbol u, fuq kollox, jibqgħu attivi f’dan l-isport għal aktar snin.

Tliet toroq għall-futbol tat-tfal

Waħda mill-proposti ewlenin tirrigwarda t-tfal bejn is-sitt snin u t-12-il sena, li se jkollhom tliet toroq differenti biex jipparteċipaw fil-futbol: il-programmi organizzati mill-klabbs, l-akkademji indipendenti u l-iskejjel.

Il-proposta tippermetti wkoll li tifel jew tifla jkunu rreġistrati kemm ma’ klabb kif ukoll ma’ akkademja, permezz ta’ reġistrazzjoni primarja u oħra sekondarja. Dan għandu joffri aktar opportunitajiet għat-taħriġ u l-parteċipazzjoni fil-logħob.

Mill-kategorija U13 ’il fuq, ir-reġistrazzjoni ssir mal-klabbs, filwaqt li għall-kategoriji U13 u U14 l-MFA torganizza festivals qabel ma jibdew il-kompetizzjonijiet uffiċjali.

Tliet livelli ġodda ta’ kompetizzjoni

Dr Paris ippreżenta wkoll proposta biex il-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ jiġu organizzati fi tliet livelli differenti: Elite, Development u Regional.

Fil-livell Elite, il-kategoriji U15, U17 u U19 ikunu magħmula minn għaxar klabbs, b’kull tim jilgħab 23 partita matul l-istaġun.

Fil-livell Development, il-kategoriji U15, U17 u U20 ikollhom 14-il klabb, b’kull tim jilgħab 19-il partita.

Min-naħa l-oħra, il-livell Regional ikun organizzat fil-kategoriji U15, U17 u U21, b’21 klabb maqsumin f’żewġ sezzjonijiet ġeografiċi.

Partikolarità ta’ din is-sistema hija li l-klabbs ikunu jistgħu jagħżlu kull sena l-livell li fih jixtiequ jipparteċipaw, mingħajr sistema ta’ promozzjoni jew relegazzjoni bejn it-tliet livelli.

It-timijiet nazzjonali fi sfidi kontra plejers akbar

Proposta oħra interessanti hija dik li t-timijiet nazzjonali taż-żgħażagħ jingħataw opportunità jikkompetu kontra plejers akbar fl-età.

Skont il-pjan ippreżentat, it-tim nazzjonali U15 ikun jista’ jipparteċipa fin-National Youth Cup U17, filwaqt li t-tim U17 jieħu sehem fil-kompetizzjoni U19.

L-aktar proposta li tista’ tqajjem interess hija dik li t-tim nazzjonali U19 jipparteċipa fl-MFA Trophy, kompetizzjoni li fiha jkollu l-opportunità jiltaqa’ ma’ timijiet tal-kbar.

L-għan huwa li l-aqwa talenti żgħażagħ Maltin jiksbu esperjenza kompetittiva ta’ livell ogħla u jkunu aktar ippreparati għall-qabża lejn il-futbol tal-kbar.

Erba’ rotot biex il-plejers jagħmlu l-qabża lejn il-kbar

Waħda mill-akbar sfidi identifikati minn Dr Paris hija li ħafna plejers jitilfu l-opportunità li jibqgħu jilagħbu f’livell kompetittiv wara li jtemmu l-esperjenza tagħhom fil-kategoriji taż-żgħażagħ.

Biex tindirizza din il-problema, ir-riforma tipproponi erba’ rotot differenti: il-promozzjoni diretta fl-ewwel tim, l-applikazzjoni tar-regola tal-plejers homegrown, ir-reġistrazzjoni doppja ma’ klabb ieħor u l-introduzzjoni ta’ timijiet B.

Dwar dawn tal-aħħar, qed jiġi propost proġett pilota mill-istaġun 2027/28, li permezz tiegħu żewġ klabbs ikunu jistgħu jipparteċipaw fin-National League 1 b’timijiet magħmula minn plejers Maltin taħt it-23 sena.

Il-fond għall-iżvilupp taż-żgħażagħ jiżdied għal €500,000

Bidla oħra importanti hija ż-żieda proposta fil-Youth Development Fund, li minn €250,000 fis-sena jiżdied għal €500,000.

Il-finanzjament ikun marbut ma’ sistema ġdida bl-isem ta’ Pathway Coefficient, li tissostitwixxi l-klassifikazzjoni attwali tan-nurseries f’kategoriji A, B u C.

Il-fond ikun maqsum fi tliet partijiet: 30% għall-għajnuna bażika, 60% skont il-punti miksuba mill-klabbs u 10% skont it-titjib irreġistrat.

B’din is-sistema, il-klabbs ikunu mħeġġa jinvestu aktar fl-iżvilupp tal-plejers u jgħinuhom jagħmlu l-pass lejn il-futbol tal-kbar.

Żewġ proġetti pilota

Il-programm GoPRO jinkludi wkoll żewġ proġetti pilota marbuta mal-kompetizzjonijiet taż-żgħażagħ.

Fil-kampjonat Elite U15, il-partiti li jispiċċaw fi draw jiġu deċiżi permezz tal-penalties, fejn ir-rebbieħ jikseb żewġ punti u t-tim tellief punt wieħed.

Fil-kategorija Elite U17, min-naħa l-oħra, qed jiġi propost li partita li dwarha jitressaq protest terġa’ tintlagħab, minflok ma jingħataw awtomatikament it-tliet punti lil wieħed miż-żewġ timijiet.

Dr Paris enfasizza li dawn il-bidliet għadhom fi stadju ta’ proposta u se jkunu suġġetti għal konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Din il-konsultazzjoni mistennija tibqa’ għaddejja sa Frar tal-2027, bl-ewwel fażi tal-implimentazzjoni ppjanata għall-istaġun 2027/28. L-għan huwa li r-riforma kollha tidħol fis-seħħ mill-istaġun 2028/29.

Tliet proġetti oħra għall-iżvilupp tat-talent

Qabel il-preżentazzjoni ta’ Dr Matthew Paris, tkellem il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo, li ta dettalji dwar tliet programmi u proġetti oħra li l-Assoċjazzjoni qed taħdem fuqhom bil-għan li tkompli ssaħħaħ l-iżvilupp tal-futbol Malti.

L-ewwel proġett jinvolvi investiment fi tliet programmi permezz ta’ sħubija ma’ erba’ jew ħames klabbs, bl-adozzjoni ta’ prattiki tajbin minn programmi ta’ żvilupp stabbiliti fl-Ingilterra.

Il-mira ewlenija hija li 16-il plejer Malti jkunu qed jiżviluppaw il-karriera tagħhom f’akkademji barra minn Malta.

F’dan il-kuntest, Vassallo semma l-każ ta’ Amy Catania, li mistennija tiffirma kuntratt professjonali ma’ Inter. Jekk dan iseħħ, Catania ssir it-tieni plejer Maltija li tilħaq dan il-pass, wara Haley Bugeja.

It-tieni proġett jiffoka fuq għajnuna finanzjarja lill-plejers ta’ bejn is-16 u l-21 sena kif ukoll lill-familji tagħhom, bil-għan li jingħataw aktar appoġġ matul il-perjodu kruċjali tal-iżvilupp tagħhom.

It-tielet inizjattiva hija mmirata lejn l-identifikazzjoni ta’ gruppi ta’ plejers li magħhom ikun hemm ħidma kontinwa fuq medda ta’ tliet snin.

Dan il-proġett jipprevedi programm fit-tul ta’ taħriġ fiċ-Ċentru Tekniku tal-MFA, maqsum f’żewġ gruppi għas-subien u grupp wieħed għall-bniet. Il-ħidma tkun appoġġjata wkoll minn grupp ta’ esperti fl-identifikazzjoni tat-talent, bil-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp tal-aqwa talenti possibbli.

Futur b’aktar opportunitajiet

Il-messaġġ ewlieni li ħareġ mill-preżentazzjonijiet ta’ Dr Matthew Paris u Bjorn Vassallo huwa li l-MFA qed tfittex li toħloq struttura aktar b’saħħitha għall-iżvilupp tal-futbol Malti.

Il-programm GoPRO, flimkien mal-proġetti l-oħra mħabbra, għandu l-għan li jżid il-parteċipazzjoni, jagħti aktar ħin ta’ logħob lit-tfal u liż-żgħażagħ, itejjeb l-opportunitajiet ta’ żvilupp u, fuq kollox, joħloq passaġġ aktar ċar mill-futbol tal-akkademji u taż-żgħażagħ għal dak tal-kbar.

Proposti li, jekk jiġu approvati u implimentati kif ippjanat, jistgħu jwasslu għal bidliet sostanzjali fil-mod kif jiġi żviluppat it-talent u organizzat il-futbol taż-żgħażagħ f’Malta.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here