Monday, May 13, 2024

Astronawt Amerikan b’rekord spazjali ġdid għal pajjiżu

Aqra wkoll

Huma verament ftit dawk il-persuni li rnexxielhom iqattgħu sena jew iżjed fl-ispazju. Jekk kollox imur sew, Frank Rubio, astronawt Amerikan, se jkun wieħed fost il-ftit li naqqxu isimhom fl-istorja f’dan il-qasam.

Rubio beda l-missjoni spazjali tiegħu fil-21 ta’ Settembru 2022 fuq il-vettura spazjali ‘Russian Soyuz MS-22′, bħala parti mill-Espedizzjoni 69 tal-ISS (International Space Station), u mistenni jirritorna f’pajjiżu fis-27 ta’ dan ix-xahar. B’hekk, huwa se jkun l-ewwel astronawt Amerikan li rnexxielu jqatta’ iktar minn sena fl-ispazju.

It-Tnejn li għadda huwa kiser ir-rekord Amerikan tal-2022; l-ikbar rekord li qatt kienet kisbet l-Istati Uniti bis-saħħa ta’ Mark Vande Hei li kien irnexxielu jqatta’ 355 jum, tliet sigħat u 45 minuta fl-ispazju. Sal-Ħadd li għadda, din kienet l-itwal missjoni spazjali li qatt saret mill-Amerikani. B’hekk, Rubio se jkun l-ewwel Amerikan li skorra l-perjodu ta’ sena ‘l bogħod mid-dinja tagħna fejn b’kollox se jkun għamel 371 ġurnata fl-ispazju. Ir-rekord dinji s’issa għadu f’idejn l-astronawt Russu Valeri Polyakov li rreġistra 437 jum fl-ispazju bejn l-1994 u 1995.

Oriġinarjament, Rubio flimkien mal-membri l-oħra tal-ekwipaġġ — Sergey Prokopyev u Dmitry Petelin — kellhom f’moħħhom li jirritornaw lura sitt xhur wara mid-data tat-tluq. Apparentament ġara li kien hemm xi leak u kienu se jpoġġu ruħu f’riskju li kieku rritornaw lura skont il-pjan oriġinali. Għalhekk, fi Frar li għadda r-Russja bagħtet vettura spazjali vojta biex tkun ta’ għajnuna għalihom sabiex il-missjoni tkun suċċess.

Sport