L-atleta ta’ Zurrieq Wolves Athletic Club, Isaura Camilleri Zahra, kompliet timpressjona fix-xena internazzjonali wara li kisbet it-tielet post fil-klassifika ġenerali tan-nisa fit-tiġrija ta’ 5km f’Toulouse, Franza.
Camilleri Zahra wettqet prestazzjoni b’saħħitha, u temmet id-distanza ta’ ħames kilometri f’ħin impressjonanti ta’ 17-il minuta u 33 sekonda, biex b’hekk reġgħet telgħet fuq il-podju barra minn Malta.
Dan ir-riżultat huwa kisba oħra sinifikanti għall-atleta Maltija, u jirrifletti d-dedikazzjoni, il-konsistenza u d-determinazzjoni tagħha li tikkompeti f’livell għoli internazzjonalment.
Dan is-suċċess iġib ukoll aktar rikonoxximent lil Żurrieq Wolves Athletic Club, u jenfasizza l-impenn tal-klabb fl-iżvilupp ta’ atleti kapaċi jiksbu riżultati impressjonanti lil hinn mix-xtut ta’ Malta.
Il-klabb feraħ lil Camilleri Zahra għall-prestazzjoni eċċellenti tagħha, filwaqt li rrikonoxxa wkoll il-kontribut importanti tal-kowċ Ivan Russu, li l-gwida u l-appoġġ kontinwu tiegħu kellhom rwol siewi fl-iżvilupp atletiku tagħha.




