Wednesday, May 15, 2024

Attakk inġust fuq l-integrità tal-Kummissarju Angelo Gafà

Theo Vella - Segretarju Taqsima Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi GWU

Aqra wkoll

Il-ġimgħa li għaddiet kien hawn online portal partikolari li għamel attentat biex jipprova jtappan l-integrità tal-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà. Bażikament it-titlu tal-artiklu kien jgħid li s-Sur Gafà u s-sinjura tiegħu xtraw villa bil-pool fil-lokalità ta’ Marsaxlokk u taw iċ-ċifra tal-valur tal-proprjetà.

It-titlu tal-artiklu kien b’tali mod li wieħed jista’ jieħu l-impressjoni li mhux possibbli li koppja tixtri proprjetà b’dan il-valur b’paga t’uffiċjal pubbliku. Meta wieħed jaqra d-dettall tal-artiklu jinnota li l-Kummissarju Gafà wieġeb kwalunwe mistoqsija li saritlu mill-ġurnalist konċernat u dan minkejja li d-domandi kienu relatati ma’ xiri ta’ proprjetà privata li kull persuna għandha dritt tixtri. Is-Sur Gafà wieġeb saħansitra fid-dettall li madwar 70% tas-somma msemmija kien self li l-koppja kienet se tħallas fuq perijodu ta’ 22 sena, ta dettalji wkoll liema bank sellfu l-flus wara l-proċess kollu neċessarju u l-ammont ta’ pagamenti li kienu se jħallsu kull xahar. Fi ftit kliem ma kien hemm xejn x’wieħed jagħmel storja minnha. Aktar kienet tkun aħbar kieku l-Kummissarju għażel li ma jweġibx għad-domandi li sarulu (kif jagħmlu diversi persuni) u hawn wieħed kien jifhem li l-ġurnalist kien jagħmel artiklu dwar dan.

B’ebda mod mhu qed ngħid li l-ġurnalisti m’għandhomx jistaqsu d-domandi li jixtiequ anzi huwa neċessarju li jistaqsu. Però meta jkun evidenti li ma hemm xejn li joħloq suspett li kien hemm xi irregolarità għandhom ikunu ġusti mal-fatti li jkunu rriżultawlhom. Ladarba l-ġurnalist konċernat ħass li kellu jagħmel pubbliku artiklu fuq din l-informazzjoni li tah il-Kummissarju nnifsu, faċilment seta’ jagħmel it-titlu li l-Kummissarju Gafà wieġeb kull domanda li saritlu relatata ma’ proprjetà li xtara f’Marsaxlokk. U dan għall-fatt li meta taqra l-kontenut tal-artiklu hekk jirriżulta.

Il-ġurnalisti għandhom rwol importanti ħafna f’soċjetà demokratika, iżda mhux ġust li jiġu attakkati persuni li huwa evidenti li huma tal-affari tagħhom bħal Kummissarju Gafà u s-sinjura tiegħu. Jekk wieħed jagħti ħarsa lejn ir-riżultati li kiseb is-Sur Gafà, anke meta kien spettur investigatur, malajr wieħed jinduna kemm kien jagħmel xogħol bir-reqqa. Tant hu hekk li kien persentaġġ minimu ħafna ta’ dawk il-każijiet ta’ persuni li ressaq il-Qorti u ħarġu lliberati. Huwa wkoll fid-dominju pubbliku kemm tressqu persuni l-Qorti kemm ilu fit-tmexxija tal-Korp fil-kariga ta’ Kummissarju.

Nifhem li għal dawk li m’għandhomx l-għarfien kif taħdem is-sistema ġudizzjarja faċli wieħed jasal għall-konklużjoni li l-Pulizija qed tonqos milli tagħmel dmirha meta hawn ċerta informazzjoni fid-dominju pubbliku. Il-Pulizija ma tistax tressaq persuni l-Qorti fuq il-perċezzjoni tan-nies, iżda għandha timxi fuq provi li jirriżultalha mill-investigazzjonijiet li tkun wettqet. Jekk ma jsirx hekk ikun qed issir persekuzzjoni u mhux prosekuzzjoni.

Nagħlaq billi nagħmel appell ġenwin lill-ġurnalisti. M’għandi ebda dubju li l-maġġoranza assoluta tagħkom ħaddiema onesti u taqdu d-dover tagħkom b’sens ta’ responsabbiltà sabiex ikollna soċjetà aktar ġusta. Iżda biex ikollna soċjetà aktar ġusta għandna bżonn li lkoll flimkien nappoġġjaw, nirrispettaw u ngħinu lil dawk kollha li jħaddnu l-prinċipji tal-onestà u integrità. Mingħajr l-iċken dubju l-Kummissarju Angelo Gafà huwa wieħed minn dawn il-persuni li jħaddan dawn il-prinċipji u żgur jixraqlu l-appoġġ ta’ kull min hu ta’ rieda tajba. Dawk li jagħżlu li jibqgħu jitfgħu dubju fuq nies onesti u integri bħalma hu s-Sur Gafà kulma jkunu qed jagħmlu huwa li jagħtu daqqa t’id lill-kriminalità organizzata sabiex ikomplu għaddejjin bl-attività kriminali tagħhom.

Sport