Il-Pulizija qiegħda tappella lill-pubbliku biex joqgħod attent minn scams li qegħdin isiru permezz ta’ messaġġi qarrieqa minn numri barranin.
Dawn il-messaġġi, li taparsi qegħdin jintbagħtu mis-sezzjoni tal-Pulizija tat-Traffiku, jew minn dipartimenti oħra, jindikaw li l-vettura nqabdet b’sistema awtomatika ta’ monitoraġġ li joħroġ multi, li qabżet il-limitu tal-veloċità skont il-liġi.

Il-messaġġ iżid jgħid li biex jitħaffef l-ipproċessar amministrattiv, jekk wieħed iħallas il-multa fi żmien sebat ijiem, jingħata skont fil-multa. Iżda jekk wieħed jonqos li jħallas il-multa f’danil-perjodu, is-sewwieq ikun soġġett għal xi penali.
Il-Korp tal-Pulizija għalhekk qiegħed javża lill-pubbliku sabiex jinjora dawn il-messaġġi, jagħfasx f’ħoloq li hemm fil-messaġġ kif ukoll ma tingħatax informazzjoni personali jew bankarja.
Infakkru li ħlasijiet onlajn ta’ multi jista jsir biss mill-website uffiċjali les.gov.mt.
Il-Korp tal-Pulizija qiegħed jitlob l-għajnuna tal-mezzi tax-xandir sabiex inwasslu l-appell tagħna biex ma jkunx hemm vittmi ta’ dawn l-iscams.
