Sunday, December 22, 2024

Australian Open: Djokovic jikkwalifika, Jabour eliminata

Aqra wkoll

Novak Djokovic, li qed ifittex il-11-il titlu tal-irġiel li jes­tendi rekord f’Melbourne, deher ‘il bogħod mill-aqwa tiegħu hekk kif rebaħ 6-3 4-6 7-6 (7-4) 6-3 fir-Rod Laver Arena meta lbieraħ beda t-tieni round tal-Australian Open li qed isir f’Melbourne.

L-Awstraljan, Alexei Popyrin, qaj­jem lill-folla partiġġjana u żamm għal tliet sigħat u 11-il minuta qabel ma n-numru wieħed tad-dinja kiseb ir-rebħa.

Djokovic se jiffaċċja lil Tomas Martin Etcheverry wara li t-30 seed Arġentin, li nhar it-Tnejn rebaħ lil Andy Murray f’sets dritti, rebaħ 6-4 6-4 6-4 kontra l-Franċiż Gael Monfils.

Djokovic għadda mill-itwal logħba tal-Grand Slam tal-ewwel round tal-karriera tiegħu kontra l-adoloxxenti li kwalifika Dino Prizmic nhar il-Ħadd, fejn lagħab għal erba’ sigħat u minuta.

L-istadji bikrija tat-tieni partita tiegħu tal-kampjonat ssuġġerew li se tkun konfront ferm aktar veloċi għas-Serb.

Dominanti fuq is-service, Djoko­vic ħa 38 minuta biex jikseb il-ftuħ, u ssiġilla l-waqfa deċiżiva b’shot stupend biex mar 5-3 minn fuq qabel ma kkonsolida. Madankollu, Popyrin, in-numru 43 fid-dinja, wera li kien theddida akbar milli kien mistenni.

Ir-raba’ seed Taljan, Jannik Sinner, daħal fit-tielet round b’rebħa dominanti kontra Jesper de Jong, biż-żagħżugħ ta’ 22 sena kellu bżonn biss 103 minuta biex jegħleb lill-Olandiż li kkwalifika, 6-2 6-2 6-2, taħt is-saqaf magħluq tal-Margaret Court Arena f’ġurnata ta’ xita.

Stefanos Tsitsipas qal li l-adrenalina li ħass  kienet “wisq” hekk kif bata ma’ Jordan Thompson fis-ses­sjoni ta’ nhar l-Erbgħa bil-lejl.

Is-seba’ seed Grieg ħtieġlu tliet sigħat u 36 minuta biex għeleb it-tama tal-Awstraljani, 4-6 7-6 (8-6) 6-2 7-6 (7-4).

Huwa se jiffaċċja lil Luca van Assche fit-tielet round wara li l-25 seed Taljan, Lorenzo Musetti, sofra telfa sorpriża minn idejn l-adoloxxenti Franċiż, li ssielet lura minn 2-1 minn taħt biex rebaħ 6-3 3-6 6-7 (5-7) 6-3 6-0.

Is-17-il seed Amerikan, Frances Tiafoe, kien ħruġ ieħor xokkanti hekk kif tilef 6-4 6-4 7-6 (7-5) kontra n-numru 75 tad-dinja, iċ-Ċek Tomas Machac.

Il-kompatrijotti ta’ Tiafoe, it-12-il seed, Taylor Fritz, u s-16-il seed, Ben Shelton, kisbu rebħiet kontra t-tellief fortunat Franċiż, Hugo Gaston, u l-Awstraljan Christopher O’Connell, rispettivament.

F’logħbiet oħrajn, il-ħames seed Russu, Andrey Rublev, kellu bżonn biss 99 minuta biex għeleb lill-Amerikan Chris Eubanks 6-4 6-4 6-4, filwaqt li l-10 seed Awstraljan, Alex de Minaur, għeleb lit-Taljan, Matteo Arnaldi, 6-3 6-0 6-3.

Iż-żagħżugħa Russa, Mirra Andreeva, reġgħet uriet għaliex hija waħda mill-istilel emerġenti f’dan l-isport meta eliminat lill-idolu tagħha, it-Tuneżina, Ons Jabeur, 6-0 6-2.

Andreeva hija l-aħħar żagħżugħa ta’ 16-il sena li fadal wara li Brenda Fruhvirtova u Alina Korneeva ma setgħux jikkawżaw sorpriżi kontra l-avversarji illustri tagħhom.

Iċ-champion renjanti Aryna Sabalenka rebħet 6-3 6-2 kontra ċ-Ċeka Fruhvirtova, waqt li l-10 seed Brażiljana, Beatriz Haddad Maia, warrbet lil Korneeva, f’rebħa 6-1 6-2.

Iċ-champion tal-US Open, Coco Gauff, għaddiet għat-tielet round wara rebħa ta’ 7-6 (7-2) 6-2 fuq l-Amerikana l-oħra, Caroline Dolehide.

Is-16-il seed Franċiża, Caroline Garcia, ma setgħetx tkompli fuq ir-reb­ħa tal-ftuħ tagħha kontra ċ-champion darbtejn, Naomi Osaka, meta tilfet kontra l-Pollakka Magdalena Frech 6-4 7-6 (7-2).

Riżultati oħra mit-tieni round:

IRĠIEL: Karen Khacharov (Rus­sja) v Aleksandar Kovacevic (US) 6-4 6-3 4-6 6-3; Sebastian Baez (Arġentina) v Daniel Galan (Kolumbja) 7-2 2-6 6-2 6-4; Flavio Cobolli (Italja) v Pa­vel Kotov (Russja) 7-5 6-3 5-7 6-2; Sebastian Korda (US) v Quentin Halys (Franza) 6-4 6-4 6-4; Adrian Mannarino (Franza) v Jaume Munar (Spanja) 6-3 6-3 1-6 2-6 6-3; Fabian Marozan (Ungerija) v Francesco Cerundolo (Arġentina) 7-6 (7-5) 6-4 6-2.

NISA: Elina Avanesyan (Russja) v Maria Sakkara (Greċja) 6-4 6-4; Marta Kostyuk (Ukrajna) v Elise Mertens (Belġju) 5-7 6-1 7-6 (10-6); Lesia Tsurenka (Ukrajna) v Rebeka Masarova (Spanja) 6-3 6-4; Paulo Badosa (Spanja) v Anastasia Pavylu­chenchova (Russja) 6-2 6-3; Anastasia Zakharova (Russja) v Kaja Juvan (Slovenja) 6-1 6-1; Barbora Krejcikova (Rep. Ċeka) v Tamara Korpatsch (Ġermanja) 6-2 6-2; Amanda Anisimova (US) v Nadia Podoroska (Arġentina) 6-2 6-3;

Diane Parry (Franza) v Kamila Rakhimova (Russja) 7-5 6-2; Maria Timofeeva (Russja) v Caroline Wozniacki (Danimarka) 1-6 6-4 6-1;  Storm Hunter (Awstralja) v Laura Siegemund (Ġermanja) 6-4 3-6 6-3; Alycia Parks (US) v Lejlah Fernandez (Kanada) 7-5 6-4.

Ekonomija

Sport