Minn Cristian Muscat
Zabbar St Patrick ħatru lill-coach Taljan, Adolfo Sormani, bħala t-tmexxija teknika l-ġdida tagħhom. Il-coach ta’ 61 sena mistenni jasal Malta is-Sibt sabiex jiltaqa’ mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-club u jiffinalizza ftehim li mistenni jorbot lill-partijiet għal perjodu fit-tul.
Din il-ħatra mistennija tkun pass importanti għall-club Żabbari, li qed iħejji għal kapitlu ġdid taħt it-tmexxija tad-diriġenti l-ġodda tiegħu.
Sormani, li twieled f’Napli fil-11 ta’ Awwissu 1965, għandu esperjenza estensiva fil-football internazzjonali, kemm bħala player kif ukoll bħala coach. Matul il-karriera tiegħu ħadem f’diversi pajjiżi u kellu l-opportunità li jkun involut f’livelli differenti tal-football professjonali.
Il-karriera tiegħu bħala player bdiet fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Napoli, fejn kompla jiżviluppa bħala midfielder. Aktar tard lagħab ma’ diversi timijiet Taljani, fosthom Rimini, Parma, Avellino, Viareggio, Nola, Mestre u Pordenone.
Wara li temm il-karriera tiegħu fil-ground, Sormani daħal fid-dinja tal-coaching, fejn beda jibni esperjenza importanti fil-football Taljan.
L-ewwel esperjenzi tiegħu bħala coach kienu ma’ Conegliano, Chioggia Sottomarina u Cattolica, qabel ma fl-2007 ingħaqad ma’ Juventus, fejn ħadem fis-settur taż-żgħażagħ għal tliet snin.
Fl-2011, huwa kompla l-karriera tiegħu ma’ Napoli, fejn kien ukoll responsabbli mit-taħriġ u l-iżvilupp tal-players żgħażagħ.
Sena wara, Sormani kellu l-opportunità li jaħdem fil-football Ingliż meta ngħaqad ma’ Watford bħala assistent coach. Din l-esperjenza kompliet twessa’ l-għarfien tiegħu dwar il-football barra minn pajjiżu.
Fl-2014, huwa rritorna l-Italja biex imexxi lil Sudtirol, filwaqt li sentejn wara beda esperjenza ġdida fl-Albanija ma’ Partizani Tirana.
Il-karriera internazzjonali tiegħu kompliet fiċ-Ċina, fejn fl-2017 serva bħala assistent coach ta’ Wuhan Zall, qabel ma ngħaqad mal-club Daniż Vejle Boldklub, li mexxa bejn l-2017 u l-2019.
Fl-2020, Sormani reġa’ ħa f’idejh it-tmexxija ta’ Partizani Tirana, filwaqt li fl-2021 kellu esperjenza oħra fil-football Taljan ma’ Lavello.
L-aħħar esperjenza tiegħu kienet fil-Gżejjer Faroe, fejn bejn l-2023 u l-2025 mexxa lil HB Torshavn, wieħed mill-aktar clubs magħrufa fil-football tal-pajjiż.
Il-ħatra mistennija ta’ Sormani tista’ tkun akkumpanjata minn bidla oħra fl-istruttura teknika ta’ Zabbar St Patrick, hekk kif il-club jinsab ukoll fil-proċess li jaħtar direttur tekniku ġdid.
Huwa mifhum li dan ukoll se jkun Taljan, għalkemm l-identità tiegħu għadha ma saritx magħrufa.
B’dawn il-bidliet, Zabbar St Patrick mistennija jkomplu jsaħħu l-istruttura tagħhom, filwaqt li Sormani se jkun qed iġib miegħu esperjenza miksuba minn diversi kampjonati Ewropej u lil hinn minnhom.
Zabbar s’issa ġabru ħames punti minn sitt logħbiet fil-VBET Malta Premier u jinsabu fid-disa’ post tal-klassifika.




