“Ejjew inkunu ċari. Illum, aktar minn qatt qabel. Wasal iż-żmien għal aktar kooperazzjoni, aktar djalogu u aktar fiduċja. Dan huwa l-uniku mod kif se nsibu toroq lejn il-progress fil-ħafna kunflitti li qed jifnu d-dinja tagħna. Malta dejjem kienet pont bejn l-Ewropa u l-Lvant Nofsani.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’diskors li għamel waqt il-81 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, l-Istati Uniti, bit-tema “Restoring Trust, Managing Transformation.”
Dr Abela beda biex stqarr li hekk kif din l-organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti qiegħda timbarka fid-disa’ deċennju tagħha ta’ servizz, il-ħtieġa għal bidla sinifikanti fil-mod kif il-komunità internazzjonali taħdem flimkien, u ssolvi l-problemi flimkien, hi bla dubju aktar urġenti minn qatt qabel.
Meta kien qed jitkellem dwar l-Ukrajna, il-Prim Ministru Abela qal li Malta tibqa’ soda fil-kundanna tagħha tal-invażjoni llum daqskemm kienet fi Frar tal-2022.
Qal li Malta tibqa’ soda fil-fehma tagħha li paċi ġusta u dejjiema fl-Ukrajna trid tiggarantixxi s-sovranità u l-integrità territorjali tagħha, u tista’ tinkiseb biss permezz ta’ proċess diplomatiku li fih il-poplu Ukren għandu fiduċja sħiħa.
Il-Prim Ministru kompla jgħid li l-fiduċja hija wkoll essenzjali biex jintlaħaq paċi ġusta f’Gaza u fil-Lvant Nofsani. Qal li l-vuċi ta’ Malta tibqa’ soda fl-appoġġ tagħha għas-sejħiet globali favur aċċess umanitarju sigur, sostnut u mingħajr xkiel madwar Gaza kollha, f’konformità mal-liġi internazzjonali.
“Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-Pjan ta’ Paċi għal Gaża joffri l-aħjar triq biex jintemm il-kunflitt u biex jinkiseb progress politiku kredibbli,” qal il-Prim Ministru.
“Sabiex jinkiseb dan il-progress, il-partijiet kollha jridu jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ l-objettivi u l-impenji stabbiliti fil-pjan; u naturalment, ma jista’ jsir l-ebda progress jekk ikun hemm xi kwistjoni dwar l-ispostament sfurzat ta’ kwalunkwe parti mill-popolazzjoni Palestinjana.
“Minflok, hija r-responsabbiltà tagħna lkoll fil-komunità internazzjonali li nerġgħu nibnu l-fiduċja meħtieġa biex jinħolqu l-kundizzjonijiet li jippermettu progress ġenwin lejn soluzzjoni ta’ żewġ stati li tkun negozjata u dejjiema,” tenna Dr Abela.
Huwa tkellem ukoll dwar dik li sejħilha “s-saħħa tal-Intelliġenza Artifiċjali”, li fi kliemu “qiegħda timxi b’pass mgħaġġel ħafna.” Qal li “jekk irridu jkollna xi ċans li niksbu l-fiduċja tal-pubbliku li l-AI tista’ ttejjeb lill-umanità minflok teqridha, neħtieġu sett ta’ regoli internazzjonali li jirriflettu d-dritt internazzjonali.
“Għalhekk, Malta tappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tal-Patt Diġitali Globali u l-isforzi usa’ tan-Nazzjonijiet Uniti biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni diġitali internazzjonali,” tenna l-Prim Ministru.
Finalment, Dr Abela qal ukoll li Malta hi, u dejjem se tibqa’ impenjata bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali. Malta tibqa’ impenjata għall-Patt għall-Futur u tappoġġja riformi mmexxija mill-Istati Membri, filwaqt li l-effiċjenza qatt m’għandha tiġi għad-detriment tal-effettività fuq il-post.
