Nhar it-Tlieta, 24 ta’ Novembru, ġiet organizzata Laqgħa Plenarja tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex fil-Lukanda Kempinski, li għaliha attendew Sindki, Viċi Sindki, Kunsilliera u Segretarji Eżekuttivi minn kull lokalità Għawdxija.
Matul din il-laqgħa saru diversi taħditiet informattivi mis-sitt maniġers tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex, li spjegaw ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom fi ħdan l-istess istituzzjoni, filwaqt li taw ħarsa lejn il-ħidma li qed titwettaq għall-benefiċċju tal-komunitajiet Għawdxin.
Is-Segretarja Eżekuttiva, Rita Mifsud Attard, tat deskrizzjoni qasira tax-xogħol u l-inizjattivi li twettqu matul is-snin li għaddew. Hija żvelat ukoll li din se tkun l-aħħar sena li fiha se tkun qed tindirizza din il-laqgħa fil-kariga tagħha, hekk kif waslet biex tirtira wara karriera ta’ 32 sena ta’ servizz f’diversi kunsilli lokali.
Fid-diskors tagħha, Mifsud Attard irringrazzjat lill-membri kollha tal-istaff għall-lealtà, id-dedikazzjoni u x-xogħol tagħhom matul is-snin. Hija ħadet ukoll l-opportunità biex tawgura rtirar mill-isbaħ lill-Uffiċjal Amministrattiv, Vincent Xerri.
Min-naħa tiegħu, il-President tar-Reġjun, Dr Samuel Azzopardi, għamel diskors qasir fejn esprima l-apprezzament u l-gratitudni tiegħu lejn l-impjegati kollha tal-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex għall-ħidma tagħhom.
Huwa rrikonoxxa b’mod partikolari l-kontribut tas-Segretarja Eżekuttiva, Rita Mifsud Attard, li matul il-karriera tagħha marret lil hinn minn dak li kien mistenni minnha, u wriet impenn u dedikazzjoni fil-qadi ta’ dmirijietha.
Il-laqgħa serviet ukoll bħala opportunità biex ir-rappreżentanti tal-lokalitajiet Għawdxin jiltaqgħu flimkien, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jkomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-Kunsill Reġjonali ta’ Għawdex.
