Saturday, May 4, 2024

Australian Open: Medvedev, Zverev u Swiatek kellhom jitħabtu

Aqra wkoll

It-tieni seed, Carlos Alcaraz, iffaċ­ċja prova diffiċli qabel sab il-forma tiegħu biex għeleb lil Lorenzo Sonego 6-4 6-7 (3-7) 6-3 7-6 (7-3) fil-ħames ġurnata tal-Australian Open f’Melbourne Park u għadda għat-tielet round f’ġurnata ta’ battalji epiċi.

Wara li s-seeds sħabu, Daniil Medvedev, Casper Ruud, Alexander Zverev u Cameron Norrie, kol­lha kellhom jitħabtu għal rebħiet ta’ ħames sets fuq avversarji inqas klassifikati, l-Ispanjol ta’ 20 sena ġie ttestjat mit-Taljan mhux issidjat kif ukoll mir-riħ u x-xemx.

Sonego, klassifikat fid-46 post tad-dinja, rebaħ l-uniku konfront preċedenti bejniethom fl-2021, meta Alcaraz kien barra mill-aqwa 50. Iżda l-player ta’ 28 sena tqiegħed f’postu mill-forehands tqal li tjiebu ħafna biex tilef it-tielet set.

Fir-raba’ set fejn iż-żewġ players kienu fl-aqwa divertiment tagħhom, Sonego ċeda s-service minn kmieni, iżda Alcaraz għolla l-logħba tiegħu biex jaqla’ l-punti fit-tie-break u jgħaddi bi stil.

Ir-Russu Daniil Medvedev għe­leb lill-Finlandiż, Emil Ruusuvuori, f’konfront maratona li ntemm fl-3.40 am meta pproduċa rimonta ta’ champion fl-ikona Rod Laver Arena.

Il-finalista darbtejn irkupra minn żewġ sets minn taħt biex ħareġ rebbieħ 3-6, 6-7, 6-4, 7-6, 6-0. Huwa qed jipprova jirbaħ l-ewwel titlu ta’ dan l-Open wara li spiċċa finalista fl-2021 u fl-2022.

Arthur Cazaux, li jinsab fil-122 post tar-rankings, rebaħ biss l-ewwel partita ta’ Grand Slam tiegħu fl-ewwel round, u issa għadda għat-tielet round wara li għeleb lit-tmien seed, in-Norveġiż, Holger Rune, 7-6, 6-4, 4-6, 6-3.

Iż-żmien tal-player lokali, Thanasi Kokkinakis fl-Australian Open, spiċċa meta Grigor Dimitrov għelbu bl-iskor ta’ 6-3, 6-2, 4-6, 6-4, u sikket lill-akbar parti fil-John Cain Arena bil-ftit partitarji Bulgari fuq qud­diem jiċċelebraw bil-ferħ.

In-Norveġiż Casper Ruud għeleb lill-Awstraljan Max Purcell f’ħames sets, 6-3 6-7 (5-7) 6-3 3-6 7-6 (10-7) f’logħba li damet ftit inqas minn erba’ sigħat.

Il-Ġermaniż Zverev ħtieġlu ħa­mes sets biex ikompli javvanza me­ta għeleb lis-Slovakk li kellu jikkwalifika, Lukas Klein, f’ħames sets ukoll, 7-5 3-6 4-6 7-6 (7-5) 7-6 (10-7) waqt li l-Britanniku Norrie, ukoll ħa ħames sets meta dawwar il-logħba minn żewġ sets minn taħt u ħareġ rebbieħ, 3-6 6-7 (4-7) 6-2 6-4 6-4, kontra t-Taljan, Giulio Zeppieri.

Iżda l-kompatrijott ta’ Norrie, Jack Draper, kellu jbaxxi rasu meta ltaqa’ kontra l-Amerikan seed numru 14, Tommy Paul, li għelbu 6-2 3-6 6-3 7-5.

TIE-BREAK MARATONA

Dawk preżenti fir-Rod Laver Arena segwew waħda mill-akbar sekwenzi ta’ tennis li qatt tista’ tara, meta l-finalista tas-sena l-oħra, Elena Rybakina, sfat barra mit-tournament f’logħba li fiha twaqqaf rekord tal-itwal tie-break ta’ 42 punt biex rebħet bil-punteġġ ta’ 6-4 4-6 7-6 (22-20).

Kien meħtieġ 31 minuta biex jiġi deċiż it-tiebreak deċiżiv fit-tielet set, li huwa l-itwal wieħed fl-istorja tal-Grand Slam femminili.

Is-seed numru wieħed, Iga Swia­tek, evitat li tmur id-dar kmieni meta dawret żvantaġġ ta’ break doppju fis-set deċiżiv biex għelbet lill-Amerikana Danielle Collins, 6-4 3-6 6-4, wara li kienet 4-1 minn taħt iżda ssieltet lura b’mod brillanti.

Wara li Swiatek evitat xokk akbar billi ħadet it-tielet match point tagħha, il-Pollakka waqqgħet ir-rak­ketta fl-art qabel ma ħbiet rasha taħt ix-xugaman. “Ridt niġġieled sal-aħħar,” hija qalet. “Kont naf li hija lagħbet perfett iżda ikun diffiċli għal kulħadd li jżomm dak il-livell u ridt inkun lesta meta l-iżbalji jiġu min-naħa l-oħra,”

Issa Swiatek, 22 sena, se tiffaċċja lil Linda Noskova, 19-il sena, wara li ċ-Ċ eka eliminat lill-Amerikana, McCartney Kessler, 6-3 1-6 6-4.

Il-ħames seed, l-Amerikana Jessica Pegula, ukoll tilfet kontra avversarja lura fir-rankings meta sfat megħluba 6-4 6-2 mill-Franċiża, Cla­ra Burel.

Wang Yafan temmet it-tieni tournament ta’ rimonta tal-Britannika, Emma Raducanu, f’partita brutalment fiżika u mifruxa fuq kważi tliet sigħat, u li kien fiha 47 rallies ta’ disa’ tiri u aktar, Wang għeleb liċ-champion tal-US Open tal-2021, 6-4 4-6 6-4, taħt id-dwal fil-1573 Arena.

Ir-rebħa tagħha twaqqaf konfront kollu Ċiniż kontra t-12-il seed Zheng Qinwen, f’dak li hu kwart dejjem aktar miftuħ tal-polza wara t-tluq tal-ħames seed, Jessica Pegula. Aktar kmieni fil-ġurnata Zheng eliminat Brittanika oħra, Katie Boulter, 6-3 6-3, fuq l-istess court.

F’logħbiet oħra, l-eks champion tal-US Open. Sloane Stephens, għelbet lir-Russa seed 14, Daria Kasatkina 4-6 6-3 6-3, waqt li l-Amerikana l-oħra, Emma Navarro, għelbet lit-Taljana, Elisabetta Cocciaretto, bl-istess punteġġ ta’ 4-6, 6-3 6-3.

L-Ukrena seed numru 19, Elina Svitolina, ħadet 65 minuta biex issiġillat ir-rebħa ta’ 6-1 6-3 kontra l-Bulgara, Viktoriya Tomova, waqt li s-seed numru 11, il-Latvjana Jelena Ostapenko, eliminat lill-Awstraljana Ajla Tomljanovic fi tliet sets, 6-0 3-6 6-4.

Riżultati oħra mit-tieni round:

IRĠIEL: Alex Michelsen (US) v Jiri Lehecki (Rep. Ċeka) 4-6 6-3 6-3 6-4; Nuno Borghes (Portrugall) v Aleandro Davidovich Fokina (Spanja) 7-6 (9-7) 6-3 6-3; Felix Augur-Allissime (Kanada) v Hugo Grenier (Franza) 6-1 3-6 6-1 6-2; Tallon Griekspoor (Olanda) v Arthur Fils (Franza) v 3-6 6-1 7-5 6-4; Miomir Kecmanovic (Serbja) v Jan-Lennard Struff (Ġermanja) 6-4 1-6 7-6 (7-5) 1-6 7-6 (11-9); Ugo Humbert (Polonja) v J.J. Zhang (Ċina); 6-2 5-7 6-1 7-6 (7-3); Shang Juncheng (Ċina) v Sumit Nagal (Indja) 2-6 6-3 7-5 6-4; Hubert Hur­kacz (Polonja) v Jakub Mensik (Rep. Ċeka) 6-7 (7-9) 6-1 5-7 6-1 6-3. 

NISA: Victoria Azarenka (Belarus) v Clara Tauson (Danimarka) 6-4 3-6 6-2;  Jasmine Paolini (Italja) v Tatjana Maria (Ġermanja) 6-2 6-3; Viktorija Golubic (Svizzera) v Kate­rina Siniakova (Rep. Ċeka) 6-3 2-6 6-4; Dayana Yastremska (Ukrajna) v Varvara Gracheva (Franza) 6-3 6-2; Anna Kalinskaya (Russja) v Arantxa Rus (Olanda) 6-1 7-5;  Oceane Dodin (Franza) v Martina Trevisan (Italja) 6-4 6-4.

Sport