Thursday, February 29, 2024

Josianne Cutajar b’aktar ħdima għal soluzzjoni ġusta fil-kwistjoni tal-ETS

Aqra wkoll

Bħala membru tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar it-Trasport u t-Turiżmu, il-MPE Josianne Cutajar żgurat li jidħlu emendi importanti f’Riżoluzzjoni dwar il-Bini ta’ Strateġija Komprensiva għall-Portijiet Ewropej. Dawn l-emendi jirrikonoxxu l-irwol kruċjali li jaqdu l-portijiet tagħna speċjalment fejn jidħlu l-konnessjonijiet bejn gżejjer u reġjuni tal-periferija bħal tagħna mal-pajjiżi tal-kontinent, kif ukoll it-tħassib dwar l-effetti tal-estensjoni tat-taxxa tal-Emissions Trading System (ETS) għall-qasam marittimu.

Intant, ir-riżoluzzjoni li ġiet ivvutata b’suċċess fil-plenarja ta’ din il-ġimgħa fi Strasburgu, tagħmel riferenza għall-importanza li tiġi evitata u indirizzata r-rilokazzjoniji tal-karbonju. Dan hekk kif il-vapuri bil-kontejners li soltu jidħlu f’portijiet bħal Malta Freeport, qegħdin minflok jirrilokaw lejn portijiet oħra bħall-Afrika ta’ Fuq, biex jevitaw it-taxxa l-ġdida tal-ETS fuq l-emissjonijiet.

F’riflessjoni fuq din il-ħidma kontinwa li qiegħda twettaq, li inkludiet ukoll Mistoqsija Parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea, Dr Cutajar enfasizzat li hu essenzjali li titkompla l-pressjoni fuq l-istess Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni ġusta u effettiva għall-kwistjonijiet li ġabet magħha l-ETS, inkluż l-effetti fuq l-kompetittività ekonomika tal-Freeport, kif ukoll fuq il-ħaddiema, in-negozji u ċ-ċittadini Maltin, hekk kif pajjiżna jiddependi fuq is-settur marittimu.

“Ma jistax ikun li pajjiżi u gzejjer żgħar bħal Malta u Għawdex iġorru piż sproporzjonat għax għaliex id-daqs tagħhom hu li hu u minħabba r-realtajiet insulari tagħhom. Hu għalhekk li hemm bżonn li nibqgħu ninsistu biex l-Unjoni Ewropea tidħol f’Patt mal-Gżejjer Ewropej u li jkun hemm assessjar xieraq tal-impatt fuq gżejjer bħal tagħna meta jitressqu proposti li jolqtuna b’mod dirett. Dawn huma talbiet importanti li għamilna fir-Rapport dwar il-Gżejjer illi nnegozjajt f’isem is-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew, talbiet li rridu nkomplu ninstu dwarhom mal-Kummissjoni” temmet tgħid il-MPE Josianne Cutajar.

Ekonomija

Sport