Thursday, April 18, 2024

Australian Open: Naomi Osaka eliminata

Aqra wkoll

L-Ispanjol Rafael Nadal, li qed jipprova jirbaħ il-21 titlu tal-Grand Slam, għadda għar-raba’ round meta fit-tielet round tal-Australian Open li qed isir f’Melbourne Park, issupera lir-Russu Karen Khachanov, bħal ma għamel Alexander Zverev, iżda Naomi Osaka, sfat eliminata meta ġiet sorpriża minn Amanda Anisimova.

Nadal, li huwa seed numru 6, li kien champion fl-2009 u ħames darbiet finalista, kompla l-insegwiment tiegħu li jikser ir-rekord tal-Grand Slam bil-21 titlu, tilef l-ewwel set fir-rebħa li ħadet erba’ sets kontra Khachanov f’dik li tista’ tissejjaħ waħda komda bl-iskor ta’ 6-3 6-2 3-6 6-1.

Il-Ġermaniż Zverev wara ammetta li kien bogħod minn perfett iżda xorta għadda għar-round li jmiss bil-kumditá meta għeleb lir-Rumen Radu Albot 6-3 6-4 6-4 u s’issa għadu ma tilifx set.

Is-seed numru 7, it-Taljan Matteo Berrettini, warrab rimonta stupenda mill-adolexxenti Spanjol, Carlos Alcaraz, biex ħareġ rebbieħ 6-2 7-6 (7-3) 4-6 2-6 7-6 (10-5) u qata’ l-passaġġ għall-aħħar 16.

Berrettini kien żewġ sets minn fuq iżda Alcaraz ippareġġa l-konfront bir-rebħ ta’ żewġ sets u anke daħħal il-logħba f’tiebreak fis-set deċiżiv iżda finalment kienet l-esperjenza ta’ Berrettini li ratu jkompli javvanza. 

Is-Serb, Miomir Kecmanovic, li fl-ewwel round kellu jiltaqa’ kontra l-kompatrijott tiegħu, Novak Djokovic, u wisq probabbli kien jiġi eliminat, iżda n-numru wieħed tad-dinja ġie miżmum milli jieħu sehem minħabba kwistjonijiet dwar it-tilqim kontra l-Covid-19, għadda għall-Aħħar 16.

Huwa ltaqa’ kontra t-Taljan, Lorenzo Sonego, u għelbu f’erba’ sets, 6-4 6-7 (8-10) 6-2 7-5, u bla dubju għandu l-appoġġ tal-partitarji Serbi biex dak li ma jistax jagħmel Djokovic, jista’ jagħmlu hu, għal­kemm din hija ordni kbira.

Peró li Kecmanovic wasal sa hawn hija diġá kisba kbira għalih u fl-istess ħin żamm l-interess ta’ pajjiżu f’dan l-Open ħaj.

Il-Kanadiż Denis Shapovalov, kompla javvanza wkoll minkejja li l-Amerikan Reilly Opelka ħadu għal erba’ sets u issa se jipprova jżid mar-rebħ tal-ATP Cup li huwa għen lill-pajjiżu jirbaħ ġimgħa qabel ma beda dan it-tournament. Shapovalov rebaħ l-ewwel set b’tiebreak u wara tilef t-tieni wieħed iżda fit-tnejn ta’ wara ma falliex biex ħareġ rebbieħ 7-6 (7-4) 4-6 6-3 6-4.

Anke l-Ispanjol Pablo Carreno Busta, ħtieġlu erba’ sets biex jegħleb lill-Amerikan l-ieħor li kien fl-azzjoni l-bieraħ, Sebastian Korda, wara li rebaħ l-ewwel żewġ sets u wara ssiġilla r-rebħa bil-pun­teġġ ta’ 6-4 7-5 6-7 (6-8) 6-3 wara li Korda rebaħ t-tielet set.

Il-Franċiż Gael Monfils, patta għat-telfa li ġarrbet martu, Elina Svitolina kontra Victoria Azarenko, meta warrab l-isfida taċ-Ċilen Cristian Garin fi tliet sets, 7-6 (7-4) 6-1 6-3.

Franċiż ieħor li għadda għall-Aħħar 16 huwa Adrian Mannarino li għeleb lir-Russu Aslan Karatsev f’erba’ sets ukoll bl-ewwel żewġ sets jiġu mirbuħa wieħed kull wieħed b’tiebreak iżda mbagħad Mannarino aċċerta r-rebħa 7-6 (7-4) 6-7 (4-7) 7-5 6-4 b’żewġ sets oħra.

ASHLEIGH BARTY 

B’REBĦA FAĊLI

Iċ-champion renjanti, Naomi Osaka, ġiet eliminata wara li l-Amerikana, Amanda Anisimova warrbet żewġ match-points qabel ma ssiġillat rebħa memorabbli li hija kisbet bil-punteġġ ta’ 4-6 6-3 7-6 (10-5).

L-ex numru wieħed tad-dinja, Osaka, 24 sena, tinsab fil-paċi magħha nnifisha wara li reġgħet naqset li tiddefendi titlu tal-Grand Slam meta ħassitha speċjalment kburija bil-mod kif irnexxielha tifforma l-mentalità tagħha biex tittratta telfiet diffiċli.

Issa fl-Aħħar 16, Anisimova, 20 sena, se tiltaqa’ kontra l-aqwa seed, l-Awstraljana Ashleigh Barty li għadha ma tilfitx set wara li għelbet lit-Taljana, Camila Giorgi, 6-2 6-3, bil-player ta’ 25 sena minn Queensland iġġor it-tamiet ta’ nazzjon li jixtieq jara champion Awstraljan għall-ewwel darba minn Chris O’Neill fl-1978.

Iċ-champion ta’ dan l-Open darb­tejn fl-2012 u fl-2013, Victoria Azarenka, 32 sena, tal-Belarus, eliminat lill-Ukrena, Elina Svitolina, 6-0 6-2, biex għaddiet għar-raba’ round għall-ewwel darba mill-2016.

L-avversarja tagħha fir-raba’ round li jmiss se tkun iċ-champion tal-French Open, iċ-Ċeka Barbora Krejcikova, li kellha tiġi minn wara biex għelbet lil Jelena Ostapenko tal-Latvja, 2-6 6-4 6-4.

Il-player numru 6 tad-dinja, Paula Badosa, li tinsab f’forma tajba, kellha tagħmel sforz wara li l-avversarja adoloxxenti tagħha, Marta Kostyuk tal-Ukrajna, ippa­reġ­ġat il-konfront f’battalja mal- baseline biex waslet f’dan l-istadju għall-ewwel darba, iżda l-Ispanjola ħarġet rebbieħa 6-2 5-7 6-4.

Anke l-Amerikana Madison Keys kellha titħabat biex rebħet tie-break fit-tielet set meta għelbet liċ-Ċiniża Wang Qiang 4-6 6-3 7-6 (10-2) waqt li l-Griega Maria Sakkari kompliet għaddejja wkoll b’reb­ħa 6-4 6-1 fuq ir-Russa Veronika Kudermetova.

Fir-round li jmiss Sakkari se tiltaqa’ kontra l-Amerikana l-oħra, Jessica Pegula, li min-naħa tagħha eliminat lill-Ispanjola, Nuria Parrizas Diaz 7-6 (7-3) 6-2.

Ekonomija

Sport