Monday, March 24, 2025

MAFA: Balluta Barracudas jaħsdu liċ-champions

Aqra wkoll

Balluta Barracudas ħasdu liċ-champions tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA Valletta St Paul’s hekk kif għelbuhom 2-0 fil-11-il ġurnata ta’ dan il-kampjonat. Wara din it-telfa, il-Beltin issa jinsabu erba’ punti bogħod mil-leaders Għaxaq Wolves li fi tmiem din il-ġimgħa ma kinux fl-azzjoni.

L-Ewwel Diviżjoni

Valletta St Paul’s – Balluta Barracudas 0-2

Balluta Barracudas ħasdu lil Valletta St Paul’s u rebħulhom 2-0 sabiex kisbu s-seba’ rebħa staġjonali. Din kienet it-tieni darba li dawn iż-żewġ naħat iltaqgħu kontra xulxin f’temp ta’ ġimgħa wara li sebat ijiem ilu kienu l-Beltin li rebħu lil Cudas 2-1 fil-MAFA KO.

L-istorja kienet għal kollox differenti hekk kif iż-żgħażagħ mill-Balluta ħadu vantaġġ minn kontrattakki perikolużi li fi tnejn minnhom skorjaw il-gowls deċiżivi.

Huma marru fil-vantaġġ fil-51 minuta meta kien Matthew Tortell li għeleb lill-goalkeeper avversarju. Għaxar minuti minn tmiem il-konfront, Andrew Tortell kompla jikkonferma ruħu fil-quċċata tal-aqwa skorers meta rdoppja l-iskor u ssiġġilla l-partita favur il-Cudas.

Referee kien Lorry Sammut.

Mqabba Albions – San Ġwann Pro Evolution Academy 1-3

Mqabba Albions ġew relegati għat-tieni diviżjoni meta fil-logħba tan-naħa t’isfel tal-klassifika, huma ġew megħluba minn San Ġwann Pro Evolution Academy 3-1.

Din kienet il-11-il telfa konsekuttiva għall-Imqabbin li sabu din id-diviżjoni ferm diffiċli għalihom. Min-naħa tagħhom, San Ġwann kienu motivati li jiksbu t-tliet punti li komplew tawhom aktar serħan il-moħħ li fl-istaġun li ġej jilagħbu mal-kbar.

Brice Moudounga skorja doppjetta personali għal San Ġwann b’Naeldine Dhounouraini li kien fetaħ l-iskor għat-tim tiegħu.

Calvin Agius skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għal Mqabba Albions.

Referee kien Arslan Onur.

It-Tieni Diviżjoni

Valletta Stars St Dominic – Gudja Wanderers 4-1

Valletta Stars St Dominic huma pass bogħod li jiġu promossi għall-Ewwel Diviżjoni meta għelbu lil Gudja Wanderers 4-1.

Din kienet it-tmien rebħa staġjonali għat-tim mill-kapitali sabiex issa komplew żiedu l-vantaġġ tagħhom f’ras il-klassifika.

Ian Micallef poġġihom fil-vantaġġ wara biss għaxar minuti logħob sabiex Federico Marine Tejada għamilhom 2-0. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Nadon Shimaj naqqas il-marġni tal-iskor.

Fit-tieni taqsima, il-Beltin ħarġu aggressivi u skorjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Federico Marine Tejada u Klajdi Qose.

Referee kien Alper Can.

Birżebbuġa St Peter’s AFC – Żebbuġ Youngsters 1-1 (abbandunata 53 min)

Il-logħba bejn Birżebbuġa St Peter’s u Żebbuġ Youngsters ġiet abbandunata fit-53 minuta meta l-iskor kien dak ta’ 1-1 minħabba ġlied li nqala’ fit-53 minuta.

Sa dak il-ħin il-logħba kienet fi draw ta’ 1-1 b’Birżebbuġa li marru minn fuq fis-26 minuta permezz ta’ Junior Ohalewe sabiex fit-tieni taqsima, awtogowl ta’ Jeremy Grixti ġab id-draw għal Żebbuġ.

Referee kien Peter Abela.

Attard Edex Kings – Ħamrun Amateurs 2-2

F’logħba li ntlagħbet il-Ħamis filgħaxija, Attard Edex Kings u Ħamrun Amateurs spiċċaw fi draw ta’ 2-2.

Kienet logħba ferm bilanċjata bejn żewġ timijiet ferm motivati bl-eżitu finali jkun dak ta’ draw.

Ħamrun marru minn fuq fil-11-il minuta b’awtogowl ta’ Oliver Fagerdahl sabiex Ronaldo Begombre ġabu l-iskor indaqs għal Attard.

Fit-tieni taqsima, Luca Camilleri poġġa lil Attard minn fuq sabiex minuta minn tmiem il-logħba, Mohamed Sidibe ġab id-draw drammatiku għal Amateurs.

Referee kien Peter Abela.

It-Tielet Diviżjoni

Naxxar Victorians – St Paul’s Bay NMFC 3-1

Naxxar Victorians kisbu t-tieni rebħa staġjonali bi stil meta għelbu lil St Paul’s Bay NMFC 3-1.

Kienet rebħa li tagħti motivazzjoni ġdida lit-tim Naxxari li mar minn fuq wara biss tmien minuti permezz ta’ Keith Zammit Tabona. Fabrizio Farrugia irdoppja l-iskor minn penalty fit-33 minuta sabiex Hang Sonu Limbu naqqas il-marġni tal-iskor għal San Pawl il-Baħar.

Fit-tieni taqsima, Keith Zammit Tabona issiġġilla r-rebħa għal Naxxar filwaqt li skorja doppjetta personali.

Referee kien Thomas Debono.

KLASSIFIKA – MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI

Għaxaq Wolves 28, Marsa St Michael’s 25, Valletta St Paul’s 24, Balluta Barracudas 21, San Ġiljan Saints 14, San Ġwann Pro Evolution 12, Ta’ Ġiorni Wanderers 4, Mqabba Albions 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIENI DIVIŻJONI

Valletta Stars St Dominic 21, Birzebbuġa St Peter’s AFC, Senglea Gunners 16, Attard Edex Kings 15, Żebbuġ Youngsters 13, Ħamrun Amateurs 8, Gudja Wanderers 6, Ħal Far Titans 0.

KLASSIFIKA – MAFA IT-TIELET DIVIŻJONI

Swieqi United AFC 23, Qajjenza AFC 14, St Paul’s Bay NMFC 10, Naxxar Victorians 9 Mosta Vikings 3.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport