Wednesday, July 24, 2024

Bandli ġdid f’Marsalforn

Aqra wkoll

Ġie inawgurat spazju rikreattiv ġdid, li jinsab fil-promenade tal-Qbajjar, f’Marsalforn, fil-lokalità taż-Żebbuġ. Dan il-bandli ġie inawgurat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, flimkien mas-Sindku taż-Żebbuġ Marlene Ċini u l-kunsilliera.

Dan il-bandli ġdid sar b’investiment ta’ madwar €100,000. Il-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ingħata parti mill-fondi wara li applika b’suċċess għall-iskema “Proġetti fil-Komunità 2022”, liema skema hi amministrata mill-LESA. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li l-kunsilli lokali jkomplu jsostnu proġetti ta’ fejda fil-komunità.

Il-Ministru Clint Camilleri faħħar l-impenn tal-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ għall-ħidma li qed iwettaq mhux biss fil-lokalità tiegħu imma anke f’Marsalforn, li jifforma parti mill-konfini taż-Żebbuġ. “L-ispazji miftuħa u spazji rikreattivi, bħal dan il-bandli f’Marsalforn, huma parti minn pjan ħolistiku li l-Gvern adotta biex aktar spazji pubbliċi ikunu qrib il-komunità. Dan hu ukoll element ewlieni fl-istrateġija għall-iżvilupp ta’ Għawdex u aktar min hekk, hu l-impenn tagħna favur it-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja tar-residenti,” sostna l-ministru.

Wara li l-kunsill kiseb il-permessi kollha meħtieġa, saret il-bażi tal-konkos fejn ġie installat rubber flooring u playing equipment addattat sabiex jintuża kemm mit-tfal kif ukoll minn persuni bi bżonnijiet speċjali. Il-kunsill ħa ħsieb ukoll li jitħawlu xitel indiġeni u adattati għaż-żona, li komplew jagħtu libsa aktar attraenti lil dan is-sit.

Min-naħa tagħha, is-Sindku Marlene Ċini qalet li l-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ ħadem fuq bosta proġetti ta’ fejda għal Marsalforn bil-għan li jiżdiedu l-ispazji miftuħa u rikreattivi għall-familji Għawdxin u għal kull min iżur dan il-villaġġ turistiku popolari. Hija irringrazzjat lil-LESA li assistiet f’dan il-proġett.

Ekonomija

Sport