Thursday, December 26, 2024

Barcelona jfittxu l-“effett Davids” biex isalvaw l-istaġun

Aqra wkoll

L-ewwel ippruvaw jieħdu lura lil Lionel Messi, imbagħad ħadu lura lil Dani Alves. Rafa Marquez irritorna biex jieħu t-tmexxija tat-team B filwaqt li Xavi Hernandez irritorna f’”daru”, din id-darba bħala coach, kif ukoll kien hemm ir-ritorn tal-eks midfielder, Deco, bħala direttur sportiv.  

Barcelona għamlu dak kollu fil-poter tagħhom biex jipperswadu lill-eks difensur, Carles Puyol, jingħaqad magħhom. 

Dan minbarra li l-president, Joan Laporta, ġie ri-elett fil-kariga 17-il sena wara li mexxa għall-ewwel darba lil dan il-club glorjuż u 10 snin wara li telaqhom. L-objettiv prinċipali tiegħu kien li jipperswadi lil Edgar Davids jingħaqad magħhom …

Ta’ 50 sena, jista’ jkun xi ftit tard biex jutilizzaw lil Davids f’nofs il-ground, iżda lejlet l-aħħar logħba kompetittiva tagħhom qabel il-Milied, u 24 siegħa qabel telqu lejn Dallas għal logħba ta’ ħbiberija, Laporta ħabbar li l-akkwist li riedu Barcelona kien xi ħadd bħall-Olandiż. 

Meta Davids ingħaqad ma’ Barcelona, f’Jannar 2004, huma kienu fis-seba’ post, 15-il punt taħt Real Madrid. 

Fl-ewwel staġun ta’ Laporta bħala president, l-affarijiet kienu qed jiddeterjoraw u ma kien hemm l-ebda mod kif joħorġu mill-kriżi. 

L-ewwel logħba ta’ Davids spiċċat fi draw ta’ 1-1 kontra Athletic Bilbao, u d-disgħa ta’ wara kienu kollha rebħiet. Il-wasla tiegħu “ħelset” lil Xavi u lil Ronaldinho u sat-tmiem Barcelona kienu qab­ż­u lil Real Madrid … u saħansitra għelbuhom 2-1 f’Santiago Bernabeu Stadium. 

Iżda ma kienx biżżejjed biex jirbħu l-kampjonat – Valencia rebħu t-titlu – iżda kien il-qawmien, il-bidu ta’ era ġdida … iċ-ċiklu virtuż li kien tkellem dwaru Laporta … kien beda.

Dik l-era saret piż fuq din l-era iżda, skond Laporta,  hija wkoll lezzjoni … ċerta nostalġija għaddejja mit-tieni era tiegħu bħala president. Issa Barcelona jinsabu seba’ punti taħt Girona u Real Madrid, b’Xavi jiddeskrivi partijiet mill-aħħar partiti tagħhom fl-2023 bħala “inaċċettabbli”, team “mingħajr ruħ” … u jridu jibdew ifittxu l-”Effett Davids”.

Fil-bidu ta’ Diċembru, Barcelona għelbu lil Atletico fil-logħba li kienet stabbilita biex tiddefinixxi l-istaġun tagħhom kif ukoll indikazzjoni jekk kinux fit-taqtiegħa għar-rebħ tat-titlu. 

Huma anke spiċċaw fl-ewwel post il-Fażi tal-Gruppi  tal-UEFA Champions League biex ikkwalifikaw għall-fażi tal-eliminazzjoni għall-ewwel darba fi tliet snin. 

Iżda telfiet kontra Girona u Antwerp flimkien ma’ draw kontra Valencia ġabu lura l-fataliżmu bil-konsegwenza li reġgħu dehru x-xquq fit-team. 

 Xavi kien iddeskriva dan kollu bħala surreali; dan it-team  qed jiddefendi r-rebħ tal-kampjonat, wara kollox. Huwa lmenta li l-media ta‘ Barcelona m’għadhiex wara t-team u nnota b’mod ċar li ħadd mill-ġurnalisti ma feraħlu għall-progress fl-Ewropa. L-għanijiet ta’ Barcelona kienu ntlaħqu s’issa, huwa insista. Iżda l-coach tal-club Katalan jaf li d-distakk fil-kampjonat huwa sinifikanti, kwali­fikazzjoni għall-Ewropa huwa l-minimu fil-baġit. Huwa konxju wkoll li l-kritika u t-tensjoni mhux biss jaslu għal ġewwa minn barra iżda wkoll jaslu għal barra minn ġewwa.

L-istqarrija tiegħu li dan huwa team fil-proċess “tal-kostruzzjoni” kienet skonċertanti u l-konfużjoni fuq l-iskwadra li vvjaġġat lejn Antwerp lanqas tkellmet dwar koeżjoni interna jew stabbiltà.

Xavi ħalla barra lil Robert Lewandowski, Ro­nald Araujo u Ilkay Gundogan, biex iserraħhom iżda, bla dubju, huma elementi validissimi għall- kumplament tal-iskwadra.  

Imbagħad huwa wieġeb għal rapporti li l-iskwad­ra l-ġdida kienet il-prodott ta’ prerogattiva presidenzjali billi sostna li kienet deċiżjoni ta’ “kunsens” mill-club.

Xi ħaġa trid issir. Hija xi ħaġa inevitabbli li l-attenzjoni ddur għall-akkwsiti ġodda. 

Hemm element ieħor, mifhum bħala karatteris­tika li tiddefinixxi “l-Effett Davids”: l-Olandiż ġie misluf, ipprovda soluzzjoni u mbagħad, sitt xhur wara, reġa’ telaq .. €2 miljun f’pagi (mill-paga totali tiegħu ta’ €8 miljun) … l-ebda rabtiet, l-ebda spejjeż moħbija, l-ebda ipoteka tal-futur tiegħu.

Il-kriżi li sfurzat it-tluq ta’ Messi u żammitu milli jerġa’ lura tista’ ma tkunx daqshekk allarmanti bħalma kienet ftit tas-snin ilu iżda żgur li ma ġietx solvuta.

Kien għalhekk li meta Laporta qal: “l-idea tkun li jkun hemm midfielder li b’xi mod jikkumpensa għan-nuqqas ta’ Gavi”, kien suġġeriment tajjeb.

“Jekk nistgħu niksbu ‘fair play’,” żied il-presi­dent, “Ikun self sa tmiem l-istaġun, bħalma għamilna snin ilu ma’ Davids.” Anke dakinhar, Xavi qal: “Huwa diffiċli ħafna. Qed naħdmu ma’ Deco u mal-president iżda rridu naraw jekk hux possibbli minħabba li s-salarji jqajmu bosta kwistjonijiet.”

Il-limitu tas-salarji ta’ Barcelona, jiġifieri, il-budget tal-ewwel team stabbilit mir-regoli tal-Financial Fair Play tal-kampjonat, huwa ta’ €270 miljun, meta mqabbel ma’ €727 miljun għal Real Madrid. 

Dan ikun diffiċli biżżejjed, iżda l-ammont li qed jonfqu fl-iskwadra tagħhom – filwaqt li niżlu minn €676 miljun, u daqskemm ħallew jitilqu xi wħud mill-aktar players li għamlu qligħ kbir mill-club, bħal Sergio Busquets, Jordi Alba, Antoine Griezmann u Gerard Pique – huwa €492 miljun. 

Minħabba li qabżu l-limitu tagħhom, ir-regoli tal-kampjonat jippermettulhom jonfqu biss terz ta’ dak li jistgħu juru li salvaw. Għal kull ewro min­fuq, iridu juru li daħlu tlie­ta!

Ekonomija

Sport