Il-media Ġermaniża rrappurtat li Bayern Munich fetħu taħditiet preliminari mal-manager ta’ Brighton, Roberto De Zerbi, hekk kif Xabi Alonso jidher li x’aktarx se jibqa’ ma’ Bayer Leverkusen għal staġun ieħor.
Diretturi ta’ Bayern Munich fetħu taħditiet preliminari mal-manager Taljan, De Zerbi, bħala alternattiva.
Il-midja Ġermaniża qed issostni li Bayern huma miftuħa li jħallsu l-klawsola ta’ €13-il miljun ta’ De Zerbi, iżda t-Taljan mhuwiex l-uniku kandidat għal dan l-irwol.
Bayern qed jagħtu prijorità lil Xabi Alonso, iżda l-eks internazzjonali Spanjol jidher li x’aktarx se jibqa’ ma’ Bayer Leverkusen għal staġun ieħor; għalhekk, il-Bavarjani għamlu kuntatt mal-eks coach ta’ Sassuolo.
Il-ġurnalist Christian Falk irrapporta aktar kmieni dan ix-xahar li d-direttur il-ġdid ta’ Bayer, Max Eberl, isib lil De Zerbi ‘interessanti ħafna’.
Skond l-istess media, Bayern Munich iridu jilħqu ftehim ma’ coach ġdid sa Mejju biex jippjanaw il-kampanja tat-trasferimenti tas- sajf li ġej.
Iċ-champions Ġermaniżi, fi Frar li għadda kienu ħabbru li l-coach attwali, Thomas Tuchel, se jħalli l-Allianz Arena fi tmiem dan l-istaġun.