Monday, April 28, 2025

B’dedikazzjoni u dxixiplina tasal żgur – Mark Mifsud

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

L-atletika u l-isport minn dejjem kont inħobbhom. Għamilt minn sitt snin sa 18-il sena nilgħab futbol man-Naxxar Lions imbagħad waqaft minħabba x-xogħol u ergajt lgħabt għal sentejn ma’ Għargħur FC minn 21 sena sa 23 sena. Ta’ 39 sena, iddeċidejt li nerġa’ nibda nipprattika xi sport biex inżomm ruħi fit. Kont nagħmel 2k ġiri fil-ġimgha u wara ffissajt fil-ġiri. Illum nagħmel bejn 70k u 80k fil-ġimgħa u s’issa rnexxieli nagħmel sa 53k f’ġirja waħda.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

Is-suċċessi tiegħi huma personali. Irnexxieli nagħmel id-dawra mal-kosta ta’ Għawdex 52k trail għal erba’ darbiet, tliet full marathons – l-ewwel waħda waħdi mbagħad il-Corsa ta’ Malta u waħda barra minn xtutna f’Rotterdam l-Olanda.

L-aħjar ħinijiet personali tiegħi huma: 3hr 26min full Marathon; 1hr 35min half marathon; 42min 30sec 10k u 20min 7sec 5k.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

F’pajjiżna il-livell ta’ atleti Maltin huwa wieħed għoli ħafna għaċ-ċokon tal-pajjiż tagħna, u jidher li sar hawn iktar interess fl-atletika minn tfal żgħar u anke żgħażagħ.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Fejn titħarreġ hawn Malta huwa vera limitat jista’ jkollna ħafna aħjar. Kompetizzjonijiet f’Malta hawn diversi u ta’ ċertu livell imma ma nistgħux nikkompetu mal-livell ta’ barra minn xtutna fejn jagħlqu t-toroq u s-sapport li tara minn nies tal-lokal huwa inkredibbli. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Jekk Alla jagħtini s-saħħa li nkompli għaddej. Fil-futur nixtieq li nkompli nżid id- distanza fl-ultra marathons u forsi xi darba jkolli ċ-ċans ukoll li nittrenja iktar u nagħmel l-Ironman.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Il-messaġġ tiegħi li nixtieq ngħaddi hu li qatt mhu tard li tibda tipprattika l-atletika. Jien personali bis-saħħa tal-ġiri komplejt nikkumbatti f’mumenti diffiċli li kelli f’ħajti biex inkompli għaddej. B’dedikazzjoni u dxixiplina tasal żgur!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport