It-Tnejn li għadda, bdiet is-seduta dwar il-115-il akkuża ta’ Manchester City għal allegat ksur tar-regoli finanzjarji tal-Premier League.
Is-Citizens ġew akkużati u riferuti lil kummissjoni indipendenti fi Frar 2023 wara investigazzjoni li damet sejra erba’ snin.
Huwa allegat li s-City kisru r-regoli finanzjarji bejn l-2009 u l-2018.
Madankollu, il-club ċaħad bil-qawwa l-akkużi kollha u qal li l-każ tagħhom huwa sostnut minn “korp komprensiv ta’ evidenza rrifjutabbli”.
Il-Premier League qal li s-City kisru ir-regoli li jirrikjedu li l-club jipprovdi “informazzjoni finanzjarja preċiża li tagħti stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-club”.
Din l-informazzjoni kopriet id-dħul tal-club, li jinkludi dħul minn sponsors u spejjeż operattivi.
Akkuża oħra kontra ċ-champions tal-Premier League hija dik li ma kkoperawx waqt l-investigazzjoni.
Meta bdiet l-investigazzjoni tal-Premier League, Manchester City qalu li l-allegazzjonijiet kienu “għal kollox foloz” u li l-allegazzjonijiet ippubblikati oriġinarjament mill-magazine Ġermaniż, Der Spiegel, ġew minn “hacking illegali u pubblikazzjoni barra mill-kuntest ta’ emails tal-club tagħhom”.
Huma rebħu tmien titli tal-kampjonat, unuri oħra kif ukoll il-UEFA Champions League mill-2008 … mindu Abu Dhabi United Group ħa l-kontroll tal-club.
Is-seduta privata, li mistennija ddum madwar 10 ġimgħat, qed issir fl-International Dispute Resolution Centre.
IS-SEGRETEZZA TAL-KAŻ
Meta l-avukati difensuri ġew kuntattjati mill-media dwar dan il-każ ħadd minnhom ma ta xi xorta ta’ informazzjoni biex s’issa ħadd ma jaf x’intqal mindu nfetaħ il-każ.
Iżda hemm konferma li s-seduta tabilħaqq bdiet – u li qed isseħħ fil-belt kapitali Londra.
Sakemm waslu l-persuni nvoluti f’dan il-każ, il-prosekuturi u l-avukati difensuri, ma kien hemm prattikament ħadd quddiem dan il-bini. L-anqas il-media ma kienet attendiet.
Peró, l-ewwel wieħed li wasal kien l-avukat tal-Blackstone Chambers, Lord Pannick, – li rrappreżenta lil kulħadd … mir-Reġina sal-eks Prim Ministru Boris Johnson u ġie ċċelebrat mill-partitarji tas-City is-sena l-oħra bi streamer kbira li kienet tgħid ‘Pannick fit-toroq ta’ Londra’.
Huwa se jkun qed imexxi lit-team legali ta’ Manchester City, li jinkludi wkoll avukati minn Serle Court, Philip Marshall KC u James Mather.
Ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ Adam Lewis KC, jew avukati oħra li jirrappreżentaw lill-Premier League, peró dawn daħlu fil-bini minn bieb ieħor tat-triq sekondarja.
X’inhuma l-115-il akkuża?
• 54 – Nuqqas li tingħata informazzjoni finanzjarja preċiża mill-2009-10 sal-2017-18.
• 14 – Nuqqas li jiġu pprovduti dettalji preċiżi tal-pagamenti tal-players u l-managers mill-2009-10 sal-2017-18.
• 5 – Nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-UEFA inkluża l-Financial Fair Play (FFP) mill-2013-14 sa sal-2017-18.
• 7 – Il-ksur tar-regoli tal-PSR tal-Premier League mill-2015-16 sa sal-2017-18.
• 35 – Nuqqas ta’ koperazzjoni mal-investigazzjonijiet tal-Premier League minn Diċembru 2018 sa Frar 2023.
Sezzjoni tal-media Ingliż irrapportat li n-numru attwali ta’ allegat ksur tar-regoli huwa 130. Dan sar wara konfużjoni dwar kif il-Premier League oriġinarjament elenka l-akkużi b’rabta ma’ staġuni partikolari, fl-istqarrija tiegħu ta’ Frar 2023.
Mhumiex ħlasijiet addizzjonali, iżda l-Premier League allegatament ħareġ korrezzjoni.
Kemm se jdum il-każ?
Is-smigħ mistenni jdum madwar 10 ġimgħat, skont rapporti tal-midja, jiġifieri sal-aħħar ta’ Novembru.
“Qed nispera li dan is-smigħ ma jdumx,” qal il-manager tas-City, Pep Guardiola, nhar il-Ġimgħa li għadda. “Ninsab ħerqan għad-deċiżjoni finali.
“Ninsab kuntent li se jibda nhar it- Tnejn. Ninsabu konxji li se jkun hemm aktar xnigħat, speċjalisti ġodda dwar is- sentenzi. Naf x’qed jistennew in-nies speċjalment l-avversarji tagħna. Qrajt ħafna dwar il-ħsibijiet tagħhom.
“Peró jien ngħid li kulħadd huwa innoċenti sakemm tiġi ppruvata l-ħtija,” temm jgħid Guardiola.