Wednesday, July 24, 2024

Beach Soccer: Naxxar fil-quċċata wara bidu perfett

Aqra wkoll

Naxxar żammew ir-rekord perfett tagħhom filwaqt li komplew jikkonfermaw l-attakk b’saħħtu tagħhom wara rebħa oħra kbira ta’ 10-0 kontra Ta’ Xbiex.

Nicholas Schembri skorja ħames gowls filwaqt li Lee Joe Schembri u Kurt Borg wettqu doppjetta. Mark Camilleri żied ieħor għan-Naxxarin.

In-Naxxarin kisbu rebħa oħra lbieraħ wara li għelbu lil Birżebbuġa Tigers 8-2. Huma kienu qegħdin jitilfu iżda għarfu jdawru telfa f’rebħa sabiex ħadu tliet punti oħra importanti.

Yessous Camilleri skorja erba’ gowls, Nicholas Schembri wettaq doppjetta b’Joseph Paul Zammit u Lee Joe Schembri iżidu tnejn oħra għat-tim tagħhom.

Noel Tabone u Lydon Cuschieri skorjaw iż-żewġ gowls ta’ Birżebbuġa.

Mill-banda l-oħra, kien hemm logħba missielta bejn Birżebbuġa Tigers u Sliema Beach Soccer b’tal-ewwel li rebħu 6-4.

Noel Tabone u Brandon Bray spikkaw għat-tim min-nofsinhar ta’ Malta hekk kif skorjaw żewġ gowls kull wieħed b’Lydon Cuschieri u Camilo Escobar Del Castillo iżidu isimhom fost l-iskorers.

Għas-Slimiżi, li għadhom qed ifittxu l-ewwel punti tagħhom f’din il-kompetizzjoni, kien hemm doppjetta ta’ Matthew Agius u gowls oħrajn ta’ Matthew Gatt u Kurt Mifsud.

Is-Slimiżi reġgħu kienu żvinturati li tilfu l-logħba tal-Ħadd filgħodu hekk kif sfaw megħluba minn Ta’ Xbiex 6-5.

Anke hawn kienet logħba ferm akkanita bit-tim minn Ta’ Xbiex jikseb l-ewwel punti tiegħu fl-aħħar minuti tal-logħba.

Koiba Desire, Saturday Nanapere u Zvezdan Vukovic skorjaw doppjetta kull wieħed.

Għal Sliema skorjaw Andrea Coppola, Matthew Agius, Shalon Diacono, Vincenzo Margiotta u Simone Palma.

KLASSIFIKA – NESTLE ICE CREAM BEACH SOCCER LEAGUE

Naxxar Lions 9, La Playa de Arena 4, Ħamrun, Birżebbuġa Tigers, Ta’ Xbiex 3, Sliema Beach Soccer 0

Ekonomija

Sport