Bejn 16,000 u 20,000 ħaddiem minn pajjiżi terzi jispiċċaw mill-impjieg tagħhom f’Malta qabel jagħlqu sena – IT-TORĊA

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Sorsi li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalulna li “jikkalkulaw li hemm bejn 16,000 u 20,000 ħaddiema minn pajjiżi terzi li jispiċċaw mill-impjieg qabel l-ewwel sena tagħhom f’pajjiżna. L-istess sorsi qalulna li “dak li rridu nattakkaw mhux lill-ħaddiema li qegħdin ituna servizz, imma nattakkaw l-abbuż li għaddej. Nattakkaw il-ħlasijiet u l-kummissjonijiet li jeżistu.”

L-istess sorsi qalulna li “l-abbużi bdew jiżdiedu meta bdew ifaqqsu ħafna aġenti. Bdew jinġiebu  ħaddiema minn pajjiżi diversi minn kumpanija, u dawn bdew  jimpjegawhom magħhom u imbagħad jisilfuhom. Dawn sid ta’ post tax-xogħol jagħmel kuntatt magħhom, jgħidilhom kemm għandu bżonn ħaddiema u huma jissupplixxuk bl-ammont ta’ ħaddiema li għandek bżonn. Kif tlesti minnhom jew ma jkollokx aktar bżonnhom, dawn imbagħad il-kumpanija tibgħathom f’xogħol ieħor li jista’ jkun totalment differenti minn dak li kienu qegħdin jaħdmu fih qabel.”

Min hawn beda l-abbuż

L-istess sorsi qalulna li “irridu ngħidu li f’pajjiżna is-single permit joħroġ biss jekk inti ikollok xogħol f’pajjiżna. Issa li qed jiġri hawn li llum għandna sitwazzjoni fejn qegħdin naraw li ammont sostanzjali minn dawn il-ħaddiema lanqas jagħmlu sena sħiħa fix-xogħol li jkunu inġabu għalih. Dan għax jitwaqqfu minn dik il-kumpanija, biex posthom jieħdu xi ħadd ieħor jew minħabba ċirkostanzi oħra. Sa ftit ilu ma konniex nafu kemm hi kbira din il-problema u kemm qegħdin idumu fix-xogħol li jiġu jaħdmu fih. Issa permezz ta’ studju li sar mill-Bank Ċentrali dwar din is-sitwazzjoni, nafu li terz ta’ dawn il-ħaddiema minn pajjiżi terzi lanqas jagħmlu sena fix-xogħol li jkunu ġew jaħdmu fih.  Din tfisser li għandna bejn 16,000  u 20,000 ħaddiema li jkunu inġabu f’pajjiżna u li f’inqas minn sena jkunu spiċċaw minn dak l-impjieg. Din hi problematika”

Ma jfissirx li meta jispiċċaw bla xogħol jitilqu ‘lbarra… ammont qegħdin jibqgħu hawn

L-istess sorsi jgħidulna li  “issa l-mistoqsija li toħroġ hi kemm hawn ħaddiema minn dawn bħalissa – li ġew jaħdmu u jinsabu bla xogħol. Li qed jiġri hu li meta jispiċċaw bla xogħol, dawn mhux qegħdin jitilqu. Ħafna drabi dawn qegħdin jibqgħu hawn.  Jispiċċaw jgħixu ma’ ħaddiema oħra, xi ikel jingħataw, jaf anke xi xogħol minn taħt jagħmlu ukoll u allura jibqgħu hawn, jistennew li jsibu xogħol. Xi drabi jaħdmu minn taħt, biex idawwru r-rota.  Allura għandna sitwazzjoni fejn dawn il-ħaddiema qegħdin jaraw li qed jaqilgħu aktar minn pajjiżhom u min iħaddimhom kuntent għax qed iħaddem bix-xejn.” Kulħadd jaqbillu minbarra l-ekonomija tal-pajjiż.  Dan mhu xejn għajr abbuż uman u abbuż ekonomiku.  Din hi sistema li qiegħda ttellef l-effett pożittiva ta’ ekonomija b’saħħitha”.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport