Thursday, April 18, 2024

BEJN IL-KLIEM U L-FATTI … IS-SITWAZZJONI FIL-QRATI TISTA’ TITJIEB?

Aqra wkoll

Qalb il-ħajja mgħaġġla mimlija b’ħafna impenji, l-inqas ħaġa li persuna tkun qiegħda tistenna huwa li tispiċċa bħal ballun tal-pingpong tistenna li ssir ġustizzja magħha fil-Qrati. Ilu ħafna jingħad rigward id-dewmien fil-qrati. Huma diversi dawk il-fehmiet dwar is-sitwazzjoni perpetwa fil-qrati ta’ Malta u Għawdex.

Smajna ħafna kritika mill-Oppożizzjoni fuq l-infrastruttura tal-Qrati, iżda qalb dan kollu ftit li xejn il-kelliema għażlu li jitrattaw l-effetti fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies li s-sistema kif inhi preżentament qiegħda tiddeterjora anke s-saħħa mentali ta’ dawk involuti.

Minkejja li l-Gvern fl-aħħar xhur kellu jwieġeb għal din il-pressjoni rigward l-infrastruttura, minkejja li kien hemm impenn wara tant snin, biex f’Għawdex ikollna binja li verament tixraq maż-żmien li qegħdin ngħixu fih, binja moderna biss mhux se ssolvi jew tpatti għad-dewmien kontinwu fil-qrati tagħna.

Fid-dawl ta’ dan kollu, tajjeb li ninnutaw l-impenn min-naħa tal-gvern biex iżid fil-membri tal-ġudikatura. Nemmnu wkoll li qalb id-dewmien li hemm, mhux biżżejjed dak li sar u nittamaw ukoll li l-gvern huwa konxju dwar dan u jinsab għaddej b’ħidma biex ikompli jżid persuni li jistgħu jgħinu biex il-problema tad-dewmien tista’ finalment tibda tittaffa. Ma nemmnux li hija l-problema tal-Ministru tal-Ġustizzja attwali Jonathan Attard kif forsi kien hawn min prova jinstiga fl-aħħar xhur.

Il-Ministru Attard kien hu stess li ftit aktar minn sena ilu poġġa idu fuq sidru u qal li hemm ħafna xogħol xi jsir biex din il-problema tibda tissolva. Minn dakinhar ’l hawn mhux talli ma ħarabx mid-dmirijiet tigħu relatati ma’ dak li hemm bżonn isir, iżda saħansitra esprima t-tħassib tiegħu dwar kawżi li baqgħu fuq l-ixkaffa għal snin sħaħ b’dawk involuti jibqgħu jistennew bil-ħniena li ssir il-ġustizzja.

L-istess diskors sar ukoll f’Għawdex fejn intqal li mhux ġust li persuna jkollha tistenna snin minħabba differiment wara ieħor fost sitwazzjonijiet oħra li dak li jkun ma jkollux kontroll fuqhom. Bl-ebda mod m’aħna nixħtu lil dawk kollha involuti f’keffa waħda għax filwaqt li f’kull kawża se jkollok minn hu l-veru sewwa, xi ħadd mill-partijiet jista’ jkollu interess mod ieħor b’tali mod li jdawwar is-sitwazzjoni f’logħba li tista’ twassal biex wara ħafna snin is-saħħa tal-provi kontrih jitmewtu.

Imma bejn il-kliem u l-fatti, x’qed isir minn dawk li jmexxu l-qrati tagħna biex din il-lista li nġarret u kompliet tkaxkar għal diversi snin tibda t-triq li minn fuqha jibdew jinqatgħu l-ismijiet? Hemm min li verament qed jaħdmu biex dan iseħħ? Jew huwa biss kliem fieraħ ta’ xi wħud bil-għan li jiġbdu s-simpatija biex il-poplu jimxi mal-kurrenti u jgħid li tali persuni hemm bżonn li nibqgħu nimbuttawhom?

Tajjeb li s-suġġett ta’ spiss qed jaqa’ fuq il-bżonn ta’ titjib fil-kwalità tal-ħajja tan-nies. Tajjeb li nitkellmu dwar is-saħħa mentali. Tajjeb li nitkellmu dwar bżonn ta’ titjib fl-infrastruttura. Tajjeb li nisimgħu min jgħid li jixtieq ibiddel għall-aħjar. Iżda qalb dan kollu n-nies hemm barra qegħdin jistennew li r-rota tibda ddur u l-ġustizzja tibda verament tieħu l-perkors tagħha fejn min hu verament ħati jieħu li ħaqqu filwaqt li dawk li jispiċċaw imdendlin f’kawżi fejn huma jew vittmi jew persuni li spiċċaw imċappsin intortament, jitnaddaf isimhom u jeħilsu mill-istress li jikkawżaw fuqhom l-istess kawżi.

Ekonomija

Sport