Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jissaħħaħ u jiġġedded biex mhux biss ikun preparat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u dan biex ikun jista’ jiggverna.
Waqt li kien qiegħed jiġi intervistat fuq Net TV, Dr grech qal li l-PN fil-Gvern se jkun qiegħed jindirizza l-problemi u t-tħassib tal-poplu Malti. Stqarr li se jkun qiegħed jirranġa dak kollu ħażin li wettaq il-Partit Laburista fil-Gvern għax skont hu “l-poplu Malti jixraqlu aħjar.”
Fl-istess intervista rrefera wkoll għall-Kummissarju tal-Pulizija fejn qal li jekk jibqa’ ma jagħmilx xogħlu u ma jiħux azzjoni bħal fil-każ tal-Vitals, il-Partit Nazzjonalista jagħti indipendenza lil dan il-pajjiż minn “imperu tal-kriminali.”
Saħaq li l-akbar responsabbiltà li għandu bħala Kap tal-PN hu li jlesti lill-partit għall-elezzjoni ġenerali li jmiss biex tiġi meta tiġi l-PN ikun lest biex jiggverna.
Irrefera wkoll għal aħbar ta’ Michael Piccinino li mhux se jibqa’ Segretarju Ġenerali tal-PN fejn issa beda l-proċess biex din il-kariga tintela’ minn xi ħadd ġdid. Tkellem ukoll dwar il-ħatra ġdida ta’ Nathaniel Attard bħala Direttur Informazzjoni ġdid u kelliem tiegħu, waqt li James Aaron Ellul inħatar direttur tal-librerija Informa biex il-Partit Nazzjonalista jkompli jsaħħaħ ir-riċerka u l-preparazzjoni tal-fatti.