Friday, November 22, 2024

Bernard Grech jikkritika r-reshuffle 

… jgħid li hija indikazzjoni li l-PM għandu jdejh marbutin

Aqra wkoll

Fl-ewwel intervista għal din is-sena, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech kompla jikkritika d-deċiżjonijiet tal-Prim Ministru Robert Abela, minkejja li dan tal-aħħar qiegħed kontinwament jisħaq li l-gvern qiegħed jaħdem fl-aħjar interess ta’ pajjiżna. Grech qal li r-reshuffle tal-bieraħ, fil-verità kellu ftit ċaqliq, liema ċaqliq skontu huma konnessi biss mall-fatt li Chris Fearne sejjer fi rwol tant importanti fuq livell Ewropew.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’din l-ewwel intervista għal din is-sena qal li barra r-reshuffle, għandna indikatur ieħor ta’ meta jkollok Prim Ministru b’idejh marbutin. Hawn huwa reġa’ beda bir-retorika tal-isptarijiet fejn saħaq li, “din hija saga li ilha għaddejja tmien snin fejn Gvern Laburista ta b’xejn dawn l-isptarijiet lill-barranin. Meta Gvern Nazzjonalista nefaq il-miljuni, bena l-isptarijiet bħal dak tal-istate of the art ta’ Mater Dei u Sir Anthony Mamo. L-investimenti jridu jsiru bil-għaqal. Veru li fil-każ ta’ Sir Anthony Mamo dan sar primarjament minn fondi pubbliċi imma, almenu, dan qiegħed jintuża għas-servizz tal-poplu”. 

Wara li faħħar dak li għamel il-PN fil-gvern, Grech dar jattakka ħidmet il-gvern preżenti b’allegazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ investiment u wasal biex qal li, “kull darba inti jew l-għeżież tiegħek isofru minn xi nuqqas fis-servizz tas-saħħa, dan qiegħed jiġri minħabba gvern Laburista. Dan għax ma nvestewx fis-sistema tas-saħħa u minħabba li l-popolazzjoni kompliet tikber”. 

Għal darb’oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni dar fuq iż-żieda tal-popolazzjoni fejn din id-darba ma qalx dirett li hija kawża tal-barranin. Huwa qal li għandna sitwazzjoni fejn l-isptar jiflaħ popolazzjoni ta’ 400,000 imma fih ma sarx investiment u kibret id-domanda. “Sfortuntament l-ispazju u s-servizz ma kibirx. Aħna nbatu li m’għandniex għażla, Min għandu l-flus imur fil-privat,” kompla jinbex Grech. Hawn saħansitra pprova jdawwar il-kwistjoni tas-saħħa bil-flus minn fuq il-PN għal dik Laburista minħabba fost oħrajn xi mediċini li mhumiex fil-formalatorju, liema formalatorju baqa’ dejjem jikber tal-Gvern tal-PL. 

Li huwa interessanti hu li filwaqt li fil-bidu ta’ din l-intervista Bernard Grech qal li l-Gvern ta’ Robert Abela appunta ħafna segretarji parlamentari, ftit wara huwa kkontradixxa lilu nnifsu meta “minħabba l-problemi li għandna fis-saħħa”, staqsa għaliex Abela ma ħatarx segretarju parlamentari ieħor, din id-darba għas-settur tas-saħħa.

Grech imbagħad tkellem dwar il-kwistjoni tal-carers fejn insista li issa l-Gvern għamel dak li talbu huma, jiġifieri li dawn ikollhom għarfien ta’ Malti bażiku jekk se jikkuraw pazjenti Maltin. Hawn sostna li huwa l-PN li juri direzzjoni u huwa għalhekk li l-poplu issa jaf li hemm bżonn li hemm bżonn ta’ bidla fid-direzzjoni tal-pajjiż.

Fi tmiem l-intervista ma naqasx li jsemmi l-għoli tal-ħajja fejn b’kunfidenza qal li huwa l-partit tiegħu li għandu s-soluzzjonijiet, bi tnejn minnhom ikunu l-fond ta’ €40 miljun biex jgħinu lill-importaturi u lill-esportaturi u dik li ma tkunx intaxxata ż-żieda tal-għoli tal-ħajja. 

“Hemm ħttieġa ta’ għaqal fit-tmexxija. Il-Partit Nazzjonalista determinat li kull diffikultà li llum l-poplu qiegħed jiffaċċja, irridu nindirizzawha għax aħna m’għandniex idejna marbutin. Aħna liberi li niddeċiedu għalik u fl-aħjar interess tiegħek,” temm bi stedina dejjem miftuħa għal aktar voti, Bernard Grech.

Sport