Monday, May 20, 2024

Rafael Nadal jirtira mill-Open tal-Awstralja

Aqra wkoll

Rafael Nadal ħabbar li kellu jirtira mill-Open tal-Awstralja wara biss ftit jiem li rritorna minn injury.

“Għeżież, waqt l-aħħar partita tiegħi fi Brisbane kelli problema żgħira f’muskolu li kif tafu ħallieni nkwetat. Ladarba wasalt Melbourne kelli ċ-ċans nagħmel MRI u għandi tiċrita żgħira f’wieħed mill-muskoli,” kiteb Nadal filwaqt li qal li l-unika aħbar pożittiva hi li mhux fl-istess parti fejn kellu l-aħħar injury.

Huwa qal li mhuwiex lest li jikkompeti fil-livell massimu ta’ esiġenza f’logħbiet ta’ ħames sets u għalhekk kellu jirritorna lura Spanja biex jara lit-tabib tiegħu u jistrieħ.

Huwa qal li ħadem ħafna għal dan l-irkupru u l-għan tiegħu kien li jkun fl-aqwa livelli personali u minkejja li huwa diżappuntanti għalih li mhuwiex se jkun qiegħed jilgħab quddiem l-ispettaturi ta’ Melbourne, se jibqa’ pożittiv għax-xhur li ġejjin.

“Verament ridt nilgħab hawn fl-Awstralja u kelli ċ-ċans nilgħab ftit logħbiet li għamluni kuntent u pożittiv ħafna. Grazzi lil kulħadd tal-appoġġ u narakom dalwaqt! Rafa”, temm jikteb.

Sport