Sunday, May 5, 2024

Il-PM Robert Abela jisħaq li pajjiżna għandu sena tajba quddiemu

Aqra wkoll

“Għandi wkoll affarijiet pożittivi x’naqsam magħkom. Għadna nibdew is-sena u għandi diversi stediniet biex ninawguraw investimenti ġodda. Għandi wkoll talbiet għal laqgħat ma’ investituri ġodda kemm lokali kif ukoll barranin. L-għażla strateġika tagħhom hija għażla ta’ pajjiż li fih isibu kriterju ta’ stabbiltà. L-investiment joħloq ix-xogħol, ix-xogħol joħloq il-ġid u xogħolna hu li nqassmu dak il-ġid bl-aktar mod ġust”. Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru u l-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela fl-ewwel attività politika ta’ din is-sena, fit-Teatru Orpheum fil-Gżira. 

Dr Abela qal li jekk erba’ snin ilu kien mimli ħeġġa għax emmen li l-pajjiż kellu bżonn Partit Laburista b’saħħtu, illum dik il-ħeġġa hi ikbar għax jaf li flimkien nistgħu nibqgħu nġibu bidliet pożittivi għall-Għawdxin u għall-Maltin.

Attività li matula rrimarka li l-Gvern Laburista temm is-sena 2023 billi fost oħrajn tħallsu l-ogħla children’s allowance fl-istorja u tħallas mekkaniżmu kontra l-għoli tal-ħajja lid-doppju tan-nies.  Iżda għaliex dan hu l-Gvern li jemmen fin-nies is-sena l-ġdida se jibdiha: 

•⁠  ⁠Bl-ikbar żieda fil-Paga Minima fl-istorja;

•⁠  ⁠Bl-ikbar żieda fil-pensjonijiet;

•⁠  ⁠Bl-ikbar żieda li qatt ingħatat lir-romol;

•⁠  ⁠B’żieda oħra fil-benefiċċju tal-kera;

•⁠  ⁠B’żieda oħra fl-iskema Carer at Home. 

Quddiem dan kollu, emfasizza l-Prim Ministru, pajjiżna għandu sena tajba quddiemu u tkellem dwar il-prijoritajiet ta’ ħidma u d-deċiżjonijiet biex fix-xhur li ġejjin Malta tibqa’ miexja ‘l quddiem. Il-Prim Ministru spjega kif qiegħed u se jkompli jitwettaq programm ta’ ħidma li jibni fuq il-ħafna tajjeb li kien diġa’ għamel il-Partit Laburista fil-Gvern, bil-bidliet li għamilna sa mill-ewwel ġurnata, għaliex qatt ma ġibna ruħna daqslikieku m’għadx baqa’ xi jsir. Programm li jġib ċerti bidliet meħtieġa filwaqt li jindirizza prijoritajiet ġodda. 

Fosthom dawk li se jwasslu għar-riġenerazzjoni sħiħa fil-Port il-Kbir, riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, ippjanar iktar intelliġenti flimkien ma’ proġetti ambjentali sbieħ u inizjattivi ġodda biex inħarsu l-konsumatur u nkomplu niġġieldu l-għoli tal-ħajja. Prijoritajiet li jixhdu li l-Partit Laburista kien u għadu l-unika għodda li għandu l-poplu sabiex pajjiżna jkompli sejjer fit-triq tar-riformi u s-suċċessi.

Huwa għalhekk, li l-Prim Ministru sostna li dan hu pajjiż b’ġejjieni sabiħ quddiemu iżda li quddiemu għandu aktar sfidi x’jindirizza. Huwa għalhekk, li l-Partit Laburista fil-Gvern għandu programm ta’ ħidma b’saħħtu. 

“Kien għalhekk li meta ġejt tlabtkom l-ewwel mandat tiegħi inqas minn sentejn ilu, ġejt nitkellem fuq elf proposta ġdida. Għax l-istatus quo la kien u qas qatt se jkun għażla,” qal il-Prim Ministru. 

Fl-isfond tal-isfidi internazzjonali li qed tgħix id-dinja, il-Prim Ministru offra s-serħan il-moħħ bi Gvern, li kif anke wera matul is-sena li għaddiet, dawk l-isfidi jirnexxielu mhux biss jgħelibhom iżda joħroġ l-aqwa opportunitajiet. Fosthom billi jipprovdi stabbiltà, fuq quddiem nett fil-prezzijiet tal-enerġija. 

“Għax aħna poplu ħabbrieki u poplu li ma jaqtax qalbu quddiem is-saram. Jien nemmen f’pajjiżna. Jien nemmen fikom. Nemmen fl-Għawdxin u l-Maltin.”

Il-Prim Ministru sostna li quddiem it-tfixkil u l-biża’ li qed tipprova tiżra l-Oppożizzjoni, il-familji Għawdxin u Maltin għandhom iserrħu rashom li se jkun hemm Partit Laburista u Gvern li jiddefendi l-interess ta’ Malta. Iżda, dan irid isir flimkien maċ-ċittadini. 

Huwa sostna li minkejja li hemm min qiegħed jgħid li l-għażliet li għandna quddiemna mhumiex importanti, l-Oppożizzjoni ma tridx il-poter biex tagħmel il-ġid, iżda jriduh għalihom infushom għax jemmnu li għandhom id-dritt divin li jmexxu lil dan il-pajjiż.

“Iżda, hawn l-istedina hija lilkom kollha li dejjem emmintu f’dan il-pajjiż. Fix-xhur li ġejjin hemm għażla: hux se nagħtu r-riħ lil min iġib il-Partit qabel il-pajjiż, jew hux se nerġgħu nkunu aħna li nuru l-ispirtu ta’ Team Malta. Fejn naħdmu għal Malta, kull fejn inkunu ma’ kull min inkunu. Magħqudin għandna s-saħħa li nwaqqfu l-attakki tagħhom fuq pajjiżna, fl-istess ħin inwettqu l-aktar programm elettorali ambizzjuż li qatt ħareġ bih moviment politiku.” 

Huwa kkonkluda li filwaqt li għandna sena ta’ ħidma kbira quddiemna u li żgur li l-isfidi matula mhux se jonqsu “konvint li flimkien se jirnexxielna. Għax nemmnu f’Malta Ġusta. Flimkien Insaħħu Malta Tagħna.”

Sport