Thursday, May 8, 2025

Bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, is-suċċess jirrikjedi ċerti sagrifiċċji u dixxiplina – Marlon Briffa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Hyrox?

L-imħabba tiegħi lejn il-Hyrox bdiet proprju b’kumbinazzjoni. Kont nipprattika l-OCR u kif beda dieħel l-Hyrox pruvajtha u għoġbitni speċjalment l-isfida fiżika u mentali li toffri.

Dan l-isport irnexxeilu jerġa’ jnissel fija dik l-isfida, dik il-grinta (bit-Taljan ngħidu ‘fuoco dentro’) li kien jagħtini l-futbol. Apparti hekk dan l-isport laqqgħani ma’ grupp sabiħ ħafna ta’ nies li jien inħobb insejħilha “komunitá sabiħa tal-Hyrox” li għalkemm huma “kompetituri”, illum il-ġurnata saru ħbieb tiegħi u nimmotiva ruħi anke permezz tagħhom.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa fosthom fil-ġimgħat li għaddew f’Valencia fi Spanja?

F’sena u nofs li ilni nipprattika l-Hyrox nista’ ngħid li din tatni sodisfazzjon personali kbir. Fuq livell internazzjonali riċentement jien u sieħbi Justin Grima akkwistajna l-ewwel post fil-kategorija tagħna f’Hyrox Toulouse kif ukoll it-tielet post f’Hyrox Valencia. Permezz ta’ hekk irnexxielna nikkwalifikaw awtomatikament għall-World Championships li ser isiru f’Chicago f’Ġunju li ġej.

Apparti hekk is-sena li għaddiet ukoll irnexxieli nikkwalifika flimkien ma’ sieħbi Conrad Tabone għall-World Championships li saru f’Nice fi Franza wara li tajna prestazzjoni tajba ferm f’Hyrox Cologne. Apparti hekk kellna diversi suċċessi oħrajn f’kompetizzjonijiet lokali.

Kif tqis il-livell tal-Hyrox f’pajjiżna fil-preżent?

Malta hawn ħafna talent u hawn ħafna nies li qed jieħdu dan l-isport b’serjetá kbira. Infatti fil-World Championships f’Chicago ħa nkunu grupp imdaqqas ta’ atleti Maltin u dan kollu jixhed u jawgura tajjeb ħafna biex dan l-isport ikompli jikber f’pajjiżna.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Kif diġá għidt l-interess għal dan l-isport huwa kbir, għaldaqstant ħafna gyms innutaw dan u ġustament qed jinvestu u jattrezzaw sabiex jakkomodaw lill-atleti għal dan l-isport. Apparti hekk saru jiġu organizzati ċerti kompetizzjonijiet regolarment u ta’ ċertu livell.   

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-Hyrox?

Bħalma diġá għidt, dan l-isport immotivani ħafna. Fil-fatt nittrenja kważi kuljum. Riċentement ukoll, ħadt deċiżjoni biex inkompli ninvesti fija nnifsi u sakemm nibqa’ motivat u ġismi jippermettili, hekk se nibqa’ nagħmel!

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Hyrox.

Bħal kull ħaġ’oħra fil-ħajja, is-suċċess jirrikjedi ċerti sagrifiċċji u dixxiplina. Fortunatament, għandna kowċis tajbin u serji li jistgħu jiggwidawk u jmexxuk fit-triq it-tajba, peró, fl-aħħar mill-aħħar, il-ħaġa kemm tkun tridha vera int, u kemm int lest taħdem għaliha!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport