Saturday, May 18, 2024

Bħal-lum 50 sena ilu … Il-Ġermanja tal-Punent isiru champions Ewropej għall-ewwel darba

Aqra wkoll

Il-Euro 1972 kienet ir-raba’ edizzjoni tal-Kampjonat Ewropew, il-kompetizzjoni organizzata mill-UEFA għat-timijiet nazzjonali. Ir-rounds ta’ kwalifikazzjoni ntlagħbu fuq bażi ta’ league home u away qabel is-semi-finali u l-finali li kollha saru fil-Belġju, bejn l-14 u t-18 ta’ Ġunju, 1972. Il-ġurnata ta’ qabel il-finali saret il-partita għat-tielet post.

L-Unjoni Sovjetika kienet tilfet fl-istadju tas-semi-finali tal-Euro 1968, wara l-għoti tal-munita wara draw ta’ 0–0 mal-Italja, waqt li l-Ġermanja tal-Punent naqsu milli jgħaddi mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni tagħhom, fejn spiċċaw bħala runners-up mal-Jugoslavja li kienu eventwalment finalisti tat-tournament.

Fit-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-1970, il-Ġermaniżi kienu tilfu 4-3 fis-semi-finali f’logħba li t-30 minuta ta’ ħin barrani tagħha kontra l-Italja kien kolossali, iżda huma rebħu l-partita għat-tielet post 1-0 kontra l-Urugwaj, li kienu eliminaw lill-Unjoni Sovjetika fil-kwarti-finali.

Il-finali ntlagħbet fil-Heysel Stadium fit-18 ta’ Ġunju quddiem 43,437 spettatur. Il-Ġermanja tal-Punent kellha diversi ċansijiet bikrija biex jiskor­jaw: l-ewwel Gunther Netzer sab lil Gerd Muller iżda Rudakov ħareġ jikklerja, imbagħad Jupp Heynckes ra x-xutt tiegħu mblukkat mid-difiża Sovjetika qabel ma l-ballun waqa’ għand Muller li x-xutt tiegħu ġie salvat minn Rudakov.

L-imblokk inkiser fis-27 minuta meta Franz Beckenbauer qabeż żewġ difensuri Sovjetiċi qabel ma Netzer ra x-xutt tiegħu jaħbat mal-mimduda. Iżda kien Muller li skorja mir-rebound biex fetaħ l-iskor għat-team ta’ Helmut Schoen.

Fit-52 minuta, Murtaz Khurtsilava tilef il-pussess tal-ballun lil Wimmer li, wara bosta passaġġi bejn il-Ġermaniżi, għeleb lil Rudakov biex għamilhom 2-0.

Il-goal li ssiġilla r-rebħa wasal fit-58 minuta minn Muller u wara invażjoni qasira tal-ground, Marschall saffar it-tisfira finali, li rat lill-Ġermaniżi jiksbu rebħa ta’ 3-0 u l-ew­wel titlu Ewropew fl-istorja tagħhom.

KIF WASLU SAL-FINALI

Iż-żewġ timijiet issuperaw il-gruppi rispettivi tagħhom bil-Ġermaniżi jtemmu l-ewwel fil-kwalifikazzjoni meta ltaqgħu kontra t-Turkija, l-Albanija u l-Polonja fejn baqgħu bla megħluba fis-sitt logħbiet li lagħbu.

Kontra t-Torok huma spiċċaw 1-1 f’darhom iżda rebħu 3-0 barra minn darhom. Lill-Albanija għelbuhom darbtejn, 2-0 u 1-0 u lill-Polonja ħadulhom erba’ punti wkoll fi draw ta’ 0-0 u reb­ħa ta’ 3-1.

Min-naħa tas-Sovjetiċi, huma għamlu bħall- Ġermanja u rebħu erba’ logħbiet u ġew draw fit-tnejn l-oħra. Kontra Ċipru rebħu ż-żewġ logħbiet, 6-1 u 3-1, kontra Spanja rebħu 2-1 u ġew draw 0-0 u kontra l-Irlanda ta’ Fuq ġew draw 0-0 ukoll u rebħulhom 1-0.

Fil-kwarti-finali, il-Ġermaniżi ltaqgħu kontra l-Ingilterra u wara draw bla goals f’darhom, reb­ħu 3-1 f’Wembley Stadium. Kien Uli Hoeness (27) li fetħilhom l-iskor iżda Francis Lee (78) kiseb id-draw sakemm goals tard minn Netzer (84 pen) u Muller (88) aċċertaw ir-rebħa.

Is-Sovjetiċi għelbu lill-Jugoslavja 3-0 b’goals minn Viktor Kolotov (53), Anatoliy Banishevskiy (74) u Eduard Kozynkevych (90) u wara ġew 0-0 barra minn darhom.

Fis-semi-finali, li ntlagħbu fil-Belġju, il-Ġermanja għelbu lit-team ospitu 2-1 b’goals minn Muller (24, 71) b’Odilon Polleunis (83) inaqqas id-distakk. Is-Sovjetiċi eliminaw lill-Ungerija 1-0 b’goal ta’ Konkov (53).

Fil-partita għat-tielet post il-Belġju għelbu lill-Ungerija 2-1 b’goals minn Raoul Lambert (24) u Paul Van Himst (28) b’Lajos Ku (53 pen) inaq­qas l-iskor għat-telliefa.

Min seta’ spiċċa l-aqwa skorer tal-kompetizzjoni jekk mhux il-leġġendarju Gerd Muller li temm b’4 goals fil-quċċata?

Kif lagħbu ż-żewġ timijiet:

Ġermanja tal-Punent: Sepp Maier, Franz Bec­kenauer (captain), Horst-Dieter Hottges, Hans Schweirzenbeck, Paul Breitner, Herbert Wimmer, Uli Hoeness, Gunther Netzer, Jupp Heynckes, Erwin Kremers, Gerd Muller – Coach: Helmut Scheon.

Unjoni Sovjetika: Yevhen Rudakov, Revaz Dzodzuashvili, Murtaz Khurtsilava (captain), Volodymyr Kaplychnyi, Yuriy Istomin, Volodymyr Troshkin, Viktor Kolotov, Anatliy Konkov (Oleg Dolmatov 46), Anatoly Baidachny, Volodymyr Onyshchenko, Anatoliy Banishevskiv (Eduard Kozyynkevych 66) – Coach: Oleksandr Ponomarov.

Referee: Ferdinand Marschall (Awstrija).

Sport