Saturday, May 4, 2024

Analiżi tal-UNL (2): Ħames timijiet biċ-ċans li jiksbu l-promozzjoni

Aqra wkoll

F’din it-tieni parti ta’ ħarsa fuq dak li seħħ sar-raba’ matchdays li saru fl-ewwel ġimagħtejn ta’ dan ix-xahar fil-gruppi rispettivi kif ukoll ħarsa ‘l qud­diem biex naraw min huma dawk it-timijiet li jistgħu jiġu promossi, naraw li ħamsa minnhom id-destin jinsab f’idejhom.

Iżda hemm grupp li fih tinsab Malta li għadu miftuħ beraħ meta flimkien mal-Estonja ż-żewġ timijiet għandhom sitt punti kull wieħed għalkemm dawn tal-aħħar iridu jirkupraw partita.

Din li ġejja hija ħarsa lejn iż-żewġ Leagues li fa­dal jiġifieri dawk C u D.

LEAGUE C

Grupp 1 – It-Turkija jin­sabu fil-quċċata tal-grupp meta għandhom van­taġġ ta’ erba’ punti fuq it-team ta’ warajhom, il-Lussemburgu, biż-żewġ timijiet l-oħra huma distakkati sew mil- leaders.

Dan għaliex il-Faroe Islands jinsabu tmien punti wara t-Turkija u għalhekk ma jistgħux jaqbżuhom.

It-Torok huma favoriti netti li jiksbu l-promozzjoni meta fil-logħba li jmisshom kontra l-Lussemburgu se jkunu f’darhom fit-22 ta’ Settembru u wara jmorru l-Faroe Islands, żewġ logħbiet li m’għandhomx ifallu milli jirbħu l-punti għad-dispożizzjoni tiegħu.

Grupp 2 – Il-ġirien tat- Turkija, il-Greċja, iridu punt biex jiġu promossi meta qed igawdu vantaġġ ta’ sitt punti fuq il-Kosovo. Fil-fatt il-Griegi huma l-uniku team li s’issa kiseb il-punti massimi għad-dispożizzjoni tagħhom.

Il-punt li jridu xejn ma huwa diffiċli meta l-ewwel imorru Ċipru u wara jilqgħu lill-Irlanda ta’ Fuq bir-rebbieħa sorpriża tal- Euro 2004 jidhru li reġgħu bnew team tajjeb.

Grupp 3 – Il-Kazakhstan huma team li mhux soltu nsibuhom fil-pożizzjoni li jinsabu fiha biż-żewġ punti li tilfu ġew fil-logħba kontra t-team tal-qiegħ, il-Belarus, li jinsabu żewġ punti inqas minn Azerbaijan.

Erba’ punti wara Kazakhstan jiġu s-Slovakkja, iżda d-distakk ta’ erba’ punti jidher li huwa wisq biex jilħquhom jew jgħadduhom.

Grupp 4 – Il-leaders tal-grupp, Georgia, huma team ieħor li qed igawdi ftit suċċess meta qed jilagħbu kontra timijiet xi ftit jew wisq tampar tagħhom.

Huma jinsabu  b’vantaġġ ta’ tliet punti fuq il-Maċedonja ta’ Fuq li f’Marzu li għadda wettqu sorpriża kbira meta fis-semi-fina­li tal-play-off tat-Tazza tad- Dinja, eliminaw liċ-champions tal-Ewropa, l-Italja, b’goal fl-aħħar ħi­nijiet li ra lil dawn tal-aħħar ifallu l-kwalifikazzjoni għat-tieni darba wara l-oħra.

Georgia diġá għelbu lil Maċedonja 3-0 away u issa fit-23 ta’ Settembru jilagħbu l-partita ta’ ritorn fi Tbilisi.

Is-sorpriża negattiva f’dan il-grupp huma l-Bulgarija li ħadu biss tliet punti, tnejn iktar minn Ġibiltá li jinsabu fil-qiegħ tal-klassifika.

LEAGUE D

Grupp 1 – Il-Latvja huma wieħed minn erba’ timijiet ex-Unjoni Sovjetika li qed jillidjaw il-grupp tagħ­hom f’League C u f’League D. Huma jinsabu ħames punti fuq il-Moldova bil-logħba ta’ bejniet­hom li fiha l-Latvja se jkunu f’darhom għandha tkun kruċjali għaż-żewġ timijiet għal­kemm punt ikun biżżejjed biex jara lil Latvja jirbħu l-promozzjon f’League C.

Iż-żewġ timijiet l-oħra, Andorra u Leichtenstein, huma maqtugħin għal kollox mit-tnejn ta’ fuq bil-favoriti li jispiċċaw fl-aħħar post ikunu tal-aħħar meta flimkien mal-Litwanja hu­ma l-uniċi li għadhom ma kisbu l-ebda punt.

Grupp 2 – Dan il-grupp jappartjieni lil Malta li wara li lagħbna tliet logħbiet ninsabu punti ndaqs mal-Estonja, iżda dawn fadlilhom żewġ logħbiet oħra għat-tmiem meta l-ewwel jilqgħu lil Malta fit-23 ta’ Settembru, u tlett ijiem wara jagħlqu l-programm bil-logħba away kontra San Marino.

Fil-fatt l-Estonja u Malta huma l-uniċi timijiet li qed jaqsmu l-ewwel post mill-gruppi kollha.

Għaldaqstant, jidher li t-team tagħna għandu triq għat-telgħa biex fl-istorja ta’ 75 sena jkun jista’ jgħid li rebaħ xi ħaġa – promoz­zjoni storika f’League C. Iżda  fil-football kollox jista’ jiġri!

Sport