Sunday, May 5, 2024

Bħal-lum 60 sena ilu: Il-Brażil jirbħu t-Tazza tad-Dinja għat-tieni sena nfila

Aqra wkoll

Il-finali tas-seba’ edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-1962 rat lill-Brażil jikkontestaw it-tielet finali tagħhom għalkemm ta’ min jgħid li dik tal-1950 kontra l-Urugwaj proprjament kienet l-aħħar logħba tal-grupp li żvolġiet bħala l-finali tat-tournament. 

Il-partita finali saret fl-Estadio Nacional, f’Santiago, li għaliha l-attendenza kienet ta’ 69,000 spettatur. Il-Brażil rebħu l-logħba 3–1 biex irreġistraw it-tieni rebħa konsekuttiva tat-Tazza tad-Dinja. Iż-żewġ timijiet kienu diġá lagħbu kontra xulxin fil-fażi tal-gruppi li spiċċat fi draw ta’ mingħajr goals.

Din kienet it-tieni partita finali tat-Tazza tad-Dinja li fiha t-timijiet kienu diġà lagħbu kontra xulxin matul il-fażi tal-gruppi (l-ewwel darba kienet il-finali tal-1954 bejn l-Ungerija u l-Ġermanja tal-Punent). Din il-finali kienet saret nhar il-Ħadd, 17 ta’ Ġunju, 1962, eżattament 60 sena ilu bil-ġurnata.

Din kienet biss it-tieni difiża b’suċċess tat-tit­lu tat-Tazza tad-Dinja fl-istorja tal-kompetiz­zjoni (wara l-Italja fl-1938) minkejja n-nuqqas ta’ wieħed mill-players stilel tal-Brażil tal-1958, Pelé, li ġie eskluż mill-azzjoni wara li weġġa’ waqt it-tieni partita tat-tournament.

Intant wara kwarta logħob, il-Brażil reġgħu sabu ruħhom goal minn taħt fil-finali tat-Tazza tad-Dinja għat-tieni darba, hekk kif ballun fit-tul ta’ Adolf Scherer ġie skorjat minn Josef Masopust biex poġġa liċ-Ċekoslovakkja 1–0 minn fuq.

Madankollu, bħall-finali preċedenti erba’ snin qabel, il-Brażil ma damux ma kisbu d-draw, għax wara biss żewġ minuti għamlu l-iskor 1-1 permezz ta’ Amarildo wara żball tal-goalkeeper    Ċekoslovakk li qabel kien bla difetti, Viliam Schrojf.

Il-Brażil ma waqfux hawn għax goals minn Zito u Vava (żball ieħor ta’ Schrojf) f’nofs it-tieni taqsima, iċ-Ċekoslovakki ma kienux kapaċi jerġgħu jidħlu fil-logħba, bil-partita tispiċċa bl-iskor deċiżiv ta’ 3–1 għall-Cariocas.

IT-TRIQ GĦALL-FINALI

Fil-kwarti-finali l-Brażil iltaqgħu kontra l-In­gilterra u għelbuhom bl-iskor ta’ 3-1 b’goals minn Garrincha (31, 59) u Vava (53) wara li Gerry Hit­chens (38) kien kiseb id-draw momentarju għat-team Ingliż.

Min-naħa tagħhom iċ-Ċeki għelbu lill-Ungerija 1-0 bil-goal importanti jiġi kmieni fil-partita minn Adolf Sherer (13).

Fiż-żewġ logħbiet l-oħra, iċ-Ċilí għelbu lill-Unjoni Sovjetika 2-1 bil-goals kollha jaslu fi spazju ta’ kwarta fl-ewwel taqsima fejn Leonel Sanchez (11) u Eladio Rojas (29) skorjaw għar-rebbieħa waqt li Igor Chislenko (26) kien kiseb id-draw momentarju għas-Sovjetiċi.

Il-Jugoslavja kienu ħallew għall-aħħar biex jeliminaw lill-Ġermanja tal-Punent 1-0 meta l-goal wasal minn Petar Radnikov (85).

Imbagħad fis-semi-finali l-Brażil kienu nvoluti f’konfront missielet kontra l-organizzaturi, iċ-Ċili, meta għelbuhom 4-2 bil-goals jiġu minn Garrincha (9, 32) u Vava (47, 78) waqt li Jorge Toro (42) u Leonel Sanchez (61) sabu x-xibka għat-telliefa.

Min-naħa taċ-Ċeki huma kisbu rebħa tajba wkoll bl-iskor ta’ 3-1 kontra l-Jugoslavja fejn għalihom skorjaw Josef Kadraba (48) u wara li Drazen Jerkovic (69) kiseb id-draw, kien Adolf Sherer (80, 84) li b’doppjetta tard poġġa liċ-Ċeki fil-finali.

Fil-logħba għat-tielet post kienu ċ-Ċilí li kisbu rebħa ta’ konsolazzjoni meta għelbu lill-Jugoslavja 1-0 b’goal mal-ħin minn Eladio Rojas (90).

Din it-Tazza tad-Dinja tibqa’ miftakra għal dik imsejħa bħala l-Battalja ta’ Santiago li kien fiha bosta inċidenti vjolenti tant li r-referee Ingliż, Ken Aston, kellu biċċa xogħol kbira fejn anke keċċa żewġ players Taljani, Giorgio Ferrini (8) u Mario David (41).

Il-goals waslu tard minn Jaime Ramirez (73) u Jorge Toro (87).

Kif lagħbu fil-finali:

Brażil: Gylmar, Djalma Santos, Mauro (captain), Zozimo, Nilton Santos, Zito, Didi, Garrincha, Zagallo, Vava, Amarildo. – Coach: Aymore Moreira.

Ċekoslovakkja: Viliam Schrojf, Jiri Tichy, Svatopluk Pluskal, Jan Popluhar, Ladislav Novak (captain), Andrej Kvasnak, Josef Masopust, Tomas Pospical, Adolf Sherer, Josef Kadraba, Josef Jelinek. – Coach: Rudolf Vytlacil.

Referee: Nikolay Latyshev (Unjoni Sovjetika).

Linesmen: Leo Horn (Olanda) u Bobby Davidson (Skozja).

Sport