Tuesday, April 1, 2025

BIDLA FIL-MENTALITÀ DWAR IT-TRAFFIKU

Aqra wkoll

Fost il-ħafna inizjattivi li qed jieħu l-Gvern sabiex ikompli jindirizza l-problema tal-volum tat-traffiku hemm dik li jkompli jinċentiva l-użu ta’ mezzi ta’ trasport alternattiv.

L-użu tar-roti u il-mixi jibqgħu alternattiva tajba għall-użu tal-karozza. Madanakollu, hemm ukoll mezzi oħra li qegħdin iħallu impatt mill-aktar pożittiv f’dan ir-rigward, fosthom is-servizz ta’ ferry bla ħlas bejn il-Belt Valletta, Tas-Sliema u l-Kottonera, li issa magħhom mistnni li sas-sajf li ġej jiżdied ukoll is-servizz minn u għal Buġibba.

Alternattiva oħra li qiegħda tħalli l-frott hija dik tal-ivvjaġġar bil-karozzi tal-linja tat-trasport pubbliku.

Dan is-suċċess jidher minn ċifri maħruġa mill-Malta Public Transport li juru li matul l-2024 saru aktar minn 75.8 miljun traġitt permezz tas-servizz tat-trasport pubbliku f’pajjiżna. Dan jirrappreżenta żieda ta’ 12.7% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.

Din iż-żieda fl-użu tat-trasport pubbliku ġiet irreġistrata fil-livelli kollha b’mod partikolari fost l-adulti, l-istudenti u anke f’Għawdex.

Dawn kollha huma inizjattiivi importanti. Fil-fehma tagħna però, xorta waħda jibqa’ l-fatt li jeħtieġ ikun hemm bidla fil-mentalità biex in-nies jibdew jagħmlu aktar użu tal-mezzi ta’ trasport alternattiv.

Mhux biss, imma wkoll li persuna tmur tixtri minn ħanut li jinsab 10 minuti bogħod bil-mixi, m’għandhiex għalfejn tuża l-karozza tagħha.

Naturalment, għal ħafna minna din insibuha diffiċli. Imma nemmnu li kull sforz li nistgħu nagħmlu f’din id-direzzjoni tista’ tikkontribwixxi biex jonqos it-traffiku fit-toroq tagħna u allura jonqsu wkoll l-emissjonijiet ta’ dħaħen fl-arja.

Huwa tajjeb li qed isir xogħol infrastrutturali, imma li ninkoraġġixxu aktar l-użu ta’ trasport alternattiv jibqa’ kruċjali. Huwa f’dan il-kuntest illi tnediet l-inizjattiva “Vjal Kulħadd” li għandha l-għan li tittrasforma d-disinn tat-toroq lokali fi spazji aktar siguri, aċċessibbli u favur l-ambjent.

Kif spjega tajjeb il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Stanley Zammit, il-Kunsilli Lokali li ssottomettew il-proġetti tagħhom ħadu konsiderazzjoni ta’ dan kollu biex tittejjeb l-infrastruttura tat-toroq b’enfasi fuq infrastruttura pedonali.

Dan filwaqt li jġu prijoritizzati modi alternattivi ta’ trasport fl-istess ħin li tkun imtejba s-sigurtà u l-aċċessibilità pedonali.
Proprju l-Ħadd li għadda rajna t-tnedija tal-ewwel proġett minn din l-inizjattiva, dak ta’ Triq Żabbar, iż-Żejtun.

Dan il-proġett ukoll ħoloq spazju miftuħ ġdid filwaqt li qed jindirizza problemi li kien hemm bħall-għargħar. Nemmnu iżda li l-messaġġ li ried jintbagħat b’dawn il-roġett huwa li jekk in-nies se tagħtihom alternattiva għall-karozza, se jużawha.

Nittamaw li naraw aktar proġetti simili fix-xhur li ġejjin, għaliex mhux biss jinkorporaw fihom it-titjib infrastrutturali tat-toroq, imma wkoll jikkontribwixxu għal din il-bidla fil-mentalità fl-użu tat-trasport u fl-istess ħin jagħtu dehra isbaħ lill-ambjent b’mod inġenerali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport