Fost il-ħafna jiem dinjin li n-Nazzjonijiet Uniti tfakkar ta’ kull sena, hemm il-Jum Dinji tat-Tindif. Dan il-jum internazzjonali jiġbor flimkien eluf ta’ voluntiera, għaqdiet ambjentali u komunitajiet li jingħaqdu biex inaddfu l-iskart minn diversi żoni bħalma huma xtut u bajjiet, ġonna u spazji pubbliċi u skart minn qiegħ il-baħar primarjament.
Din is-sena, il-Jum Dinji tat-Tindif se jkun osservat nhar il-Ħadd li ġej u fost l-għanijiet tiegħu jinkludi trawwim ta’ kuxjenza dwar ’l hekk imsejħa kriżi globali tal-iskart li hija persistenti f’bosta pajjiżi l-iktar dawk fqar fid-dinja.
Madanakollu, filwaqt li huwa tajjeb li nfakkru u niċċelebraw dan il-jum partikolari, hemm bosta mistoqsijiet x’jiġu mwieġba. Fil-kuntest ta’ dawn il-mistoqsijiet, l-iktar waħda pertinenti għadha dik ta x’qed nagħmlu, kull wieħed u waħda minna, biex il-problema tal-ġenerazzjoni tal-iskart tonqos?
Mhux biss għadna niffaċċċaw il-problema dejjem tikber ta’ skart li qed ikun iġġenerat imma wkoll, għalkemm jidher li naqset, għadha tippersisti l-prattika ta’ skart mhux isseparat. U dan b’detriment sinifikanti kemm għar-riċiklaġġ u kif ukoll għall-ekonomija ċirkulari.
F’Malta, minkejja ċ-ċokon tagħna, aħna fost l-ogħla pajjiżi Ewropej li jiġġeneraw skart. Għalkemm imxejna ‘l quddiem, xorta waħda bħala poplu għadna ma għelibniex il-mentalità jew il-kultura li ma nużawx materjal li jintuża iktar minn darba. Għalhekk din is-sitwazzjoni tpoġġi fuqna r-responsabbiltà li nnaqqsu kemm jista’ jkun l-użu ta’ oġġetti li jintużaw darba u jintremew.
Infakkru li l-awtoritajiet u l-entitajiet responsabbli mit-tindif f’pajjiżna qegħdin jagħmlu xogħol impenjattiv ħafna f’dan ir-rigward biex il-lokalitajiet tagħna, anzi l-pajjiż kollu, jibqgħu jinżammu ndaf.
Il-Gvern qiegħed ikompli jinvesti f’aktar makkinarju u teknoloġija moderna tat-tindif biex l-effiċjenza f’dan is-settur tiġi mtejba.
Minbarra dan, qed ninnutaw ukoll żieda fl-infurzar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ rimi illegali ta’ skart fejn anke qegħdin jingħataw multi fuq il-post. Dawn l-inizjattivi qed iservu wkoll biex l-ambjent fih innifsu jkun iktar nadif u għaldaqstant aktar protett.
Għalhekk, is-suċċess tal-Jum Dinji tat-Tindif, biex ma jkunx biss tema annwali, għandu jkun marbut ma’ kemm l-indafa pubblika tkun qed tlaħħaq mal-ħtiġijiet tan-nies u ma’ kemm in-nies ikunu qed jgħixu aħjar.
