L-Elite Basketball Tournament 2026 fetaħ b’serata ta’ basketball internazzjonali fil-Padiljun tal-Malta Basketball Association f’Ta’ Qali, fejn il-USA Select kisbu żewġ rebħiet fl-ewwel ġurnata tal-kompetizzjoni.
Fil-logħba tan-nisa, USA Select għelbu lil Athleta Basketball Club 90-41, filwaqt li fil-kompetizzjoni tal-irġiel, USA Select taw wirja dominanti fir-rebħa ta’ 155-35 kontra Colorado Realm.
USA Select Women 90 – Athleta BC 41
Il-USA Select Women għamlu d-debutt tagħhom f’Malta b’rebħa konvinċenti kontra Athleta Basketball Club, f’logħba fejn it-tim Amerikan wera logħob veloċi, intensità u atletiċità għolja.
Għal Athleta, din kienet l-ewwel logħba tagħhom qabel l-istaġun il-ġdid u kienet ukoll opportunità biex jibdew jintegraw numru ta’ plejers ġodda fit-tim, fosthom Jones, Perez Gomez, Vella u Marmara.
Jones kellha prestazzjoni tajba ħafna u spiċċat bħala l-aqwa skorer għal Athleta b’16-il punt.
Min-naħa l-oħra, USA Select urew is-saħħa u l-profondità tal-iskwadra tagħhom, b’ħames plejers jispiċċaw il-logħba b’għaxar punti jew aktar. Cook kienet l-aqwa skorer tat-tim Amerikan bi 15-il punt.
Minkejja d-differenza fil-punteġġ, Athleta wrew titjib matul il-logħba, filwaqt li taw ukoll minuti importanti lil numru ta’ plejers żgħażagħ li telgħu min-nursery tal-klabb. Għalihom din kienet esperjenza importanti kontra avversarju internazzjonali u preparazzjoni tajba għall-istaġun li ġej.
USA Select Men 155 – Colorado Realm 35
Fl-ewwel logħba tal-kompetizzjoni tal-irġiel, USA Select taw wirja b’saħħitha ħafna biex għelbu lil Colorado Realm 155-35, f’dik li kienet ukoll l-ewwel dehra ta’ Colorado Realm f’Malta.
Sa mill-ewwel minuti deher li Colorado Realm kienu se jkollhom sfida diffiċli quddiemhom. Il-veloċità, il-pressjoni difensiva u fuq kollox l-atletiċità ta’ USA Select ħolqu diversi problemi lit-tim ta’ Colorado, li matul il-konfront sab ruħu wkoll f’diffikultà minħabba numru ta’ fouls.
Bynum mexxa l-lista tal-iskorers għal USA Select b’25 punt, filwaqt li Morgan kompla jżid 20 punt oħra.
Għal Colorado Realm, Valdez kien l-aqwa skorer b’10 punti.
Fost l-aktar aspetti spettakolari tal-konfront kien hemm l-atletiċità tal-plejers ta’ USA Select, b’mod partikolari Cshuran, li pprovda diversi dunks spettakolari matul il-logħba.
Minkejja r-riżultat diffiċli għal Colorado Realm, din il-logħba serviet bħala l-ewwel esperjenza tagħhom fit-tournament u preparazzjoni għall-isfida li jmiss kontra ċ-champions lokali.
Illejla Starlites jidħlu fl-azzjoni
L-azzjoni mill-Elite Basketball Tournament 2026 tkompli llejla fil-Padiljun tal-Malta Basketball Association f’Ta’ Qali b’żewġ konfronti oħra bejn timijiet Maltin u Amerikani.
Fil-17:00, Starlites se jaffaċċjaw lil USA Select Women, li jidħlu għal dan il-konfront wara r-rebħa konvinċenti tagħhom fl-ewwel ġurnata.
Imbagħad fis-19:00, fil-kompetizzjoni tal-irġiel, Colorado Realm jiltaqgħu maċ-champions lokali Starlites. Colorado se jkunu qed ifittxu reazzjoni wara l-ewwel logħba tagħhom, filwaqt li għal Starlites din se tkun opportunità biex jittestjaw ruħhom kontra avversarju internazzjonali.
L-Elite Basketball Tournament qed ikompli joffri opportunità lit-timijiet u l-plejers Maltin biex jilagħbu kontra avversarji internazzjonali, filwaqt li jagħti lill-pubbliku lokali ċ-ċans li jsegwi stili differenti ta’ basketball u plejers ta’ livell għoli f’Malta.
Il-logħob tal-lum – Padiljun tal-Malta Basketball Association, Ta’ Qali
17:00 – Starlites vs USA Select Women
19:00 – Starlites vs Colorado Realm
Għal aktar informazzjoni, żur paġni soċjali fuq:
Facebook – Elite Basketball Tournament Malta
Instagram – Elite Sports Management Malta
YouTube – Elite Sports Management Malta
Tik Tok – Elite Sports Malta
Website – www.EBTMalta.com




