Thursday, January 30, 2025

Bidu eċċitanti għaċ-Cisk 0.0 National Point Series tal-2025

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni tal-Mountain Bike ta’ Malta nediet iċ-Cisk 0.0 National Point Series għall-2025 il-Ħadd, fejn wiegħdet staġun ieħor mimli azzjoni u emozzjoni kemm għall-parteċipanti kif ukoll għas-spettaturi.

L-ewwel tellieqa saret fil-Miżieb nhar il-Ħadd, b’perkorrs imġedded li introduċa xi elementi ġodda u eċċitanti. Il-kors kien ippreżentat b’għażliet ta’ linji “A” u “B”, fejn wieħed seta jsewwi l-linja skont il-ħila tagħhom. Il-linji “B” huma aktar twal u bil-mod, iddisinjati biex jakkomodaw firxa usa’ ta’ parteċipanti.

Kategorija Elite

Il-Kategorija Elite rat taħlita ta’ ismijiet magħrufa li reġgħu lura għal kompetizzjoni kif ukoll xi wħud ġodda, inkluż Joaquin Rojas li s-sena li għaddiet kien ir-rebbieħ tal-Kategorija 40+.

Fl-istadji bikrija tat-tellieqa kien hemm kompetizzjoni intensiva, b’ċiklisti kontinwament jiġġieldu għal pożizzjonijiet ewlenin. Madankollu, hekk kif it-tellieqa mxiet ’il quddiem, sensiela ta’ inċidenti bidlu r-riżultati. Kien matul il-lap finali li l-pożizzjonijiet tal-podju ġew assigurati.

Wieħed mill-favoriti biex jieħu l-ewwel post, Luke Borg ma ddiżappuntax, fejn rebaħ quddiem Clyve Chetcuti u Stefan Scerri.

Kategorija tan-Nisa

Il-Kategorija tan-Nisa rat numru żgħir ta’parteċipanti. Minkejja dan il-kompetizzjoni ma naqsitx, b’Marie Claire Aquilina tirbaħ b’vantaġġ komdu fuq Diana Muscat li spiċċat fit-tieni post. Fiona Tedesco spiċċat fit-tielet post.

Kategorija Sport

Robert Grech rebaħ il-kategorija, b’vantaġġ ta’ 28 sekonda fuq ir-rebbieħ tal-kategorija tas-sena li għaddiet, Josmar Vella, li spiċċa fit-tieni post. Keith Bartolo ħa t-tielet post fuq il-podju. It-tlieta żammew vantaġġ komdu fl-istadji bikrija tat-tellieqa.

Kategorija 40+

Il-Kategorija 40+ kienet waħda mill-aktar tlielaq kompetittivi tal-ġurnata, b’Liran Ben Ari u Jeffrey Borg jsegwu battalja intensiva sa l-aħħar metri tat-tellieqa. Ben Ari ħa r-rebħa b’distakk ta’ sekonda biss fuq Borg. Alex Portelli spiċċa fit-tielet post.

Kategorija 50+

Stephen Grima, li rebaħ il-Kategorija s-sena li għaddiet, kompla bis-suċċess tiegħu b’wirja b’saħħitha, fejn rebaħ b’vantaġġ komdu fuq Carmelo Abela, li spiċċa fit-tieni post. Mario Zammit li kkompleta l-podju fit-tielet post.

Kategorija E-Bike

Il-Kategorija E-Bike rat żieda fil-parteċipazzjoni, rifless tal-pajsaġġ li qed jevolvi tal-mountain biking, fejn l-e-bikes qed isiru parti integrali mill-kompetizzjoni. Bernard Sammut ħareġ rebbieħ tal-kategorija quddiem Ramazan Imre Icoz u Darrel Fiorini.

Kategoriji taż-Żgħażagħ

It-tellieqa għal darb’oħra ġibdet numru b’saħħtu parteċipanti żgħar f’kategoriji minn taħt it-12 sa taħt id-19-il sena.

Fil-Kategorija U-19 Subien, Ryan Gatt assigura l-ewwel post, spiċċa quddiem Josch Louro u Matthias Gauci. Fil-Kategorija U-15 Subien, Neil Cassar ħa l-ewwel post, segwit minn Ethan Cumbo fit-tieni, waqt li Jake Said spiċċa fit-tielet post.

Il-Kategorija U-15 Bniet rat żieda fil-parteċipazzjoni, b’Nina Debono Curmi tieħu l-ewwel post, segwita minn Katie Anne Vella Wood u Kim Micallef Cann.

Fil-Kategorija U-12 Subien, Kruiven Farrugia rebaħ, b’Andrew Spiteri u Nolan Farrugia jieħdu t-tieni u t-tielet post rispettivament. Sadanittant, Zaliya Dimech rebħet fil-Kategorija tal-bniet.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Mountain Bike ta’ Malta, Pierre Zammit Endrich, irrimarka: “L-Assoċjazzjoni tal-Mountain Bike ta’ Malta hija impenjata li tagħti esperjenza pożittiva tat-tlielaq, u dan jirrikjedi dedikazzjoni kbira minn kulħadd involut. Huwa tassew ta’ ispirazzjoni li naraw xi kompetituri tagħna stess jaħdmu wara l-kwinti—jqumu kmieni filgħodu biex iwaqqfu l-korsa, jimmaniġġjaw il-loġistika, u mbagħad jikkompetu b’intensità sħiħa. Il-passjoni u l-impenn tagħhom huma dak li jżomm din is-serje għaddejja bla xkiel, u aħna tassew grati għall-isforzi tagħhom biex kull avveniment jirnexxi.”

L-Assoċjazzjoni estendiet ir-ringrazzjament tagħha lil Farsons u l-Cisk 0.0 Alcohol-Free Lager għall-appoġġ kontinwu tagħhom, kif ukoll lill-Federazzjoni għall-Kaċċa u l-Konservazzjoni Malta (FKNK) għall-għajnuna imprezzabbli tagħhom fl-organizzazzjoni tal-avveniment fil-Miżieb. Fl-aħħar, l-Assoċjazzjoni rringrazzjat lill-voluntiera kollha li għenu fit-tħejjijiet tal-perkors tat-tellieqa, kif ukoll għal dawk li kienu fuq ir-rotta jgħinu fl-andamenti tat-tellieqa.

It-tieni tellieqa taċ-Cisk 0.0 National Point Series se ssir il-Ħadd 16 ta’ Frar fil-Park tal-Majjistral. It-tlielaq jibdew fit-8am.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport