Friday, July 12, 2024

Bidu għat-taħriġ fi grupp għal LifeCycle 2024 minn Botswana sal-Afrika t’Isfel

Aqra wkoll

It-taħriġ intensiv u l-count down ta’ 16-il ġimgħa għal-LifeCycle 2024 beda uffiċjalment biċ-ċiklisti jingħaqdu kollha flimkien fit-triq bħala grupp għall-ewwel darba.

Dawn iċ-ċiklisti qedin jippreparaw għal-LifeCycle Challenge li din is-sena għandha t-tema Journey of Good Hope – sfida bir-roti ta’ 2,000 kilometru li se teħodhom mill-Botswana sal-Cape of Good Hope fl-Afrika t’Isfel. L-isfida se tibda nhar il-Ġimgħa, 25 ta’ Ottubru u hija mistennija li titlesta f’perjodu ta’ 10 ijiem, bil-għan li jinġabru fondi b’risq il-pazjenti tal-kliewi u r-riċerka dwar il-mard tal-kliewi.

Il-LifeCycle Challenge 2024 mistennija tkun sfida diffiċli, biċ-ċiklisti jiffaċċjaw kundizzjonijiet tal-klima differenti u varjetà ta’ topografija. Nibdew mis-savannahs u l-mergħat vasti u ċatti tal-Botswana, fejn il-parteċipanti se jkunu qed isuqu bir-rota tul pajsaġġi miftuħa fi klima sħuna u niexfa. Wara li nsuqu mal-konfini tad-deżert Kalahari, f’kundizzjonijiet estremi u ftit li xejn dell, ngħaddu għat-terren tal-Afrika t’Isfel, ħafna drabi kkaratterizzat minn telgħat u nżul qawwija. Fl-aħħar tappa matul it-triq lejn Cape Town, iċ-ċikliti se jsuqu tul il-famuża Garden Route sakemm itemmu l-vjaġġ tagħhom fil-Cape of Good Hope.

Il-fundatur u chairman ta’ LifeCycle Malta Alan Curry ikkummenta: “L-ewwel sessjoni ta’ taħriġ tal-grupp hija dejjem pass importanti għalina. Fiha mhux biss nibdew il-preparazzjoni fiżika tagħna; iżda npoġġu l-pedamenti għall-fiduċja u l-kollaborazzjoni fit-tim tagħna, li se jgħinuna naslu sat-tmien ta’ din l-isfida. Il-bidu tat-taħriġ fi grupp iwassal ukoll biex il-LifeCycle Challenge issir għalina iktar tanġibbli u nibdew inħossu li l-isfida tinsab iktar viċin. Dan iġib miegħu taħlita ta’ eċċitament, determinazzjoni, u anke xi ftit ansjetà. Din l-isfida hija ta’ prova kbira għalina, iżda żgur li huwa impenn mistħoqq għall-kawża daqstant importanti.”

Issa fl-24 edizzjoni tagħha, il-LifeCycle Challenge, organizzata mill-Fondazzjoni LifeCycle (Malta), ħalliet impatt kbir mill-bidu tagħha fl-1999, u saret avveniment importanti annwali fil-kalendarju sportiv ta’ Malta. Matul is-snin, il-Fondazzjoni LifeCycle (Malta) ġabret kważi Eur4 miljun b’appoġġ għall-pazjenti tal-kliewi, ikkontribwixxiet għar-riċerka medika u tqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi.

Il-LifeCycle Challenge 2024 għandu l-appoġġ tal-isponsor ewlieni Nescafé, flimkien ma’ sponsors oħra bħal Smart Technologies Ltd, APS Bank, Laferla Insurance u JPA.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport