Friday, December 13, 2024

BIEDJA

Aqra wkoll

L-informazzjoni li ħarġet miċ-ċensiment tal-biedja li twassal sas-sena 2020 hi xokkanti imma ma tissorprendix. Is-settur jinsab riesaq lejn qerda sħiħa. Dwar hekk m’għandu xejn x’jaqsam il-gvern tal-lum. Hi mewta bl-irqiq u bil-goff li ilha mbassra, għal min ried jara l-affarijiet kif inhuma, mhux kif jaqbillu jarahom.

Fl-oqsma kollha tagħha, l-biedja baqgħet tinfena u tinqered. Anke dak tal-ħalib li deher l-aktar attrezzat biex iżomm sħiħ kontra l-kompetizzjoni xejn ma jinsab f’qagħda tajba.

Id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea inevitabbilment kellu jwassal għat-therrija tal-biedja fostna, għalkemm fatturi oħra komplew “jgħinu” dal-proċess. Konna wissejna dwar hekk. Iddieħku bina. Biex jgħattu dak li kellu jinqala’, ingħataw sussidji u għajnuniet temporanji li kellhom iservu matul l-ewwel snin tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea biex jaħbu r-realtà. Bl-ebda mod ma kienu sostenibbli fil-format li ngħataw. 

U issa riesaq it-tmiem imħabbar. Bla dubju li se jkun hawn min jibqa’ jiċħad dan kollu u jsib appoġġ mis-sanedrini kollha.

***

IMMIGRAZZJONI

Jekk xi ħadd jistaqsini kienx hemm xi żvilupp siewi fit-twettiq ta’ politika Ewropea komuni dwar l-immigrazzjoni, ngħid li le. Tassew, l-biċċa tiddependi wkoll minn x’wieħed ifisser bi “żvilupp siewi”. Għalina l-Maltin tfisser pass lejn arranġament li bih bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jseħħ tqassim ġust u trasparenti tal-piżijiet ekonomiċi u soċjali fil-mod kif jintlaqgħu fostna l-immigranti rregolari. Ma narax li hemm xi tama li fil-viċin dan se jiġri.

Il-Presidenza Franċiża attwali għamlet ħafna dikjarrazzjonijiet dwar il-lanja dinamika li biha trid tmexxi l-affarijiet ’il quddiem. Niddubita kemm se turi dad-dinamiżmu dwar l-immigrazzjoni lejn l-Ewropa – suġġett li hu sensittiv poltikament fi Franza daqskemm hu f’Malta, forsi aktar. Għal April/Mejju, l-Franċiżi jkunu qed jivvotaw f’elezzjoni presidenzjali.

***

BANKINI

Intefqu daqstant miljuni fuq toroq u flyovers ġodda. Biċċa sostanzjali mill-fondi li nħarġu ġew mill-Unjoni Ewropea: dan għax, skont ir-regoli tal-Unjoni, ftit kien hemm fejn tista’ tonfoqhom f’Maltas skont kriterji stabbiliti Ewropej, jekk mhux fl-infrastruttura tat-toroq. Illum talanqas daħlu kriterji aktar wiesgħa u ta’ fejda, marbuta mal-isforzi kontra t-tisħin tal-klima u biex titwettaq trasformazzjoni diġitali. 

Imma sadattant, waqt li rajna dan l-investiment kollu fit-toroq, tħalla fil-ġenb bżonn kbir ieħor. Kellu jitwarrab għax mill-ġdid, ma jissodisfax il-kriterji Ewropej. Mal-pajjiż kollu, l-bankini fit-toroq tagħna jinsabu f’qagħda ħażina għal diżastruża. Mill-Belt Valletta, sa B’kara u l-Mosta, il-Kottonera u Wied il-Għajn, insibu bankini dilapidati li joħolqu diffikultajiet kbar għal min ikun għaddej, imma l-aktar ġenituri bi tfal fil-prammijiet u anzjani. L-urġenza li jkollna bankini sura u aħjar fit-toroq dejjem sfat injorata.

Ekonomija

Sport