Sunday, May 5, 2024

Plejer tal-futbol imnikket bil-mewt ta’ Rayan joffri li jixtri dar ġdida għall-familja tiegħu

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Kull min segwa l-aħbarijiet f’dawn l-aħħar jiem, ma jistax jiċħad li fost l-istejjer li spikkaw kienet l-operazzjoni ta’ salvataġġ taċ-ċkejken Rayan, it-tifel ta’ ħames snin, li waqa’ ġo bir fil-Marokk, liema operazzjoni sfortunatament ntemmet b’mod traġiku.

Fl-aħħar sigħat ma naqsux għadd kbir ta’ messaġġi fejn ilkoll ammettew li minkejja li ma kinux jafu lil Rayan b’mod personali, l-istorja traġika tiegħu xorta ħalliet impatt fuq il-ħajja tagħhom.

Fost l-għadd kbir ta’ nies, spikka ġest ta’ plejer tal-futbol Marokkin Abderrazak Hamdallah li ma ħasibix darbtejn biex iwettaq ġest li ġie mfaħħar minn bosta.

Dan hekk kif il-plejer tal-futbol, imnikket bil-mewt taċ-ċkejken Rayan, kiteb fuq il-midja soċjali li offra li jixtri lill-familja tiegħu dar ġdida bil-għan li jkun jista’ b’xi mod “iġib ftit ferħ” f’ħajjithom qalb id-devastazzjoni li qed jesperjenzaw bħalissa.

Rapporti fuq midja internazzjonali qalu li dan il-ġest umanitarju qed isir wara li sar magħruf li d-dar tal-familja tat-tifel Rayan jaf ikollha problemi saħansitra li taqa’ minħabba l-iskavi li saru fl-inħawi tagħha biex jintlaħaq iċ-ċkejken.

Il-plejer ta’ 31 sena, li lagħab taħt l-eks manager tal-Ingilterra Sven-Goran Eriksson wara ċaqliq mat-tim tas-Super League Ċiniża Guangzhou, qal li bħala Marokkini, Għarab u l-Musulmani lkoll għaddew minn ħamest t’ijiem diffiċli u ta’ emozzjoni kbira, iżda kienu ta’ emozzjoni kbira anke għad-dinja kollha.

“B’din it-tbatija, nagħti l-kondoljanzi profondi tiegħi lill-familja ta’ Rayan, u nitlob lil Alla jagħtihom il-paċenzja u s-serħan li għandhom bżonn,” qal il-futboler.

Żied jgħid: “U ddeċidejt, f’ismi u f’isem il-familja tiegħi, u f’isem il-Marokkini u l-Musulmani kollha, li ngħin u nġib ftit ferħ lill-familja ta’ Rayan, lill-ġenituri tiegħu u lil ħutu u nagħtihom dar mgħammra b’mod sħiħ.”

Fl-aħħar sigħat ikkummentaw ukoll il-ġenituri ta’ Rayan fejn ommu, Ouassima Kharchich, qalet: “Din hija r-rieda ta’ Alla. Nirringrazzja lil kulħadd għall-isforzi tagħhom biex jgħinu.”

Missieru, Khalid Awram, żied jgħid: “Nirringrazzjaw ħafna lin-nies u lill-awtoritajiet… li għenuna.”

Iċ-ċkejken Rayan waqa’ fil-bir nhar it-Tlieta li għadda, u wassal għal sforz kbir ta’ salvataġġ li kien segwit minn miljuni madwar id-dinja.

Waqt il-barka tiegħu ta’ kull ġimgħa fi Pjazza San Pietru, il-Papa Franġisku faħħar lill-poplu tal-Marokk li ngħaqad biex jipprova jsalva lit-tifel. “Il-poplu ngħaqad flimkien, kollu kemm hu, biex isalva lil Rayan, ħadmu flimkien biex isalvaw tifel.”

Ma kien hemm ebda informazzjoni uffiċjali dwar awtopsja nhar il-Ħadd iżda kuġin tiegħu qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet AFP li l-katavru ta’ Rayan kien ġie ttrasportat fi sptar militari fil-kapitali Rabat.

Skont ir-rappreżentant tal-provinċja Abderahim Bouazza u qarib, il-funeral ta’ Rayan mistenni jsir illum fir-raħal ta’ Ighrane fejn seħħ l-inċident.

Sport