Wednesday, April 16, 2025

Biex verament jirnexxielek tkabbar il-karriera tal-futbol tiegħek, trid dejjem tkun umli, lest li tibqa’ titgħallem u taħdem fuqek innifsek – Dylan Caruana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Il-passjoni tiegħi għall-futbol tista’ tgħid bdiet mill-bidunett ta’ ħajti. Sa mill-ewwel memorji li għandi, niftakar li fost id-diversi ġugarelli li kelli, kienet l-hena tiegħi nilgħab biss bil-ballun. Id-dar trabbejt ukoll f’ambjent li jħobb l-isport, speċjalment il-futbol, fejn missieri hu fanatiku kbir tal-Juventus, u nista’ ngħid li ħadt mingħandu l-istess passjoni.  

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Fgura United FC.

Dan huwa l-ħames staġun tiegħi ma’ Fgura United FC wara li ngħaqadt magħhom fl-istaġun tal- 2020/2021. Dak iż-żmien il-klabb kien għadu ma stabillixxiex ruħu fl-ewwel diviżjoni, però nista’ ngħid li llum il-ġurnata, il-Fgura United huwa klabb ferm stabbilit f’dan il-kampjonat. L-esperjenza tiegħi ma’ dan il-klabb hija waħda memorabbli u mill-isbaħ. Il-klabb iħaddan għaqda u professjonalità kbira fejn tħossok milqugħ u maħbub, kemm fi żminijiet sbieħ u wisq aktar fi żminijiet ibsin. 

X’tikkummenta fuq il-fatt li proprju fil-jiem li għaddew, lgħabt il-mitt logħba tiegħek bil-flokk ta’ Fgura United FC?

Inħossni onorat li għaqqadt il-mitt logħba tiegħi nilbes dan il-flokk u li kont parti mill-proċess biex il-Fgura United stabbilixxa ruħu ghal-livell ta’ klabb li sar illum. Naturalment, tul dawn il-mitt logħba tiegħi mal-klabb rajt bosta plejers, skemi u tattiċi jinbidlu, però nista’ ngħid li r-rispett u għaqda li joffri l-klabb ma nbidlet qatt.   

X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Fgura United FC sa issa fil-BOV Challenge League?

Fil-preżent, il-klabb għaddej minn mument tajjeb ħafna fejn irbaħna disgħa mill-aħħar għaxar logħbiet, u għaddejjin fuq sensiela ta’ ħames rebħiet konsekuttivi. Għall-kuntrarju tal-istaġuni ta’ qabel, bdejna fuq nota negattiva fejn sal-bidu ta’ Jannar konna ninsabu mat-timijiet tal-qiegħ tal-klassifika. Minkejja l-perjodu iebes ħafna li konna ghaddejjin minnu, il-klabb baqa’ jemmen fil-plejers u staff tekniku, u ħadem ħafna biex saħħaħ l-iskwadra f’Jannar. Din il-fiduċja u determinazzjoni kienet ir-riċetta biex dawwarna l-paġna għal waħda pożittiva ferm.  

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Kevin Vella?

Issa li ilni naħdem ma’ kowċ Kevin għal dawn l-aħħar ħames snin, nista’ faċilment ngħid li huwa wieħed mill-aħjar kowċis li kelli fil-karriera tiegħi. Kowċ Kevin huwa bniedem dedikat u professjonali li għeni ħafna nkabbar il-kwalitajiet tiegħi bħala plejer. Huwa wkoll kowċ li kapaċi jżommok motivat f’kull sitwazzjoni, u tul il-ħames snin tiegħi ma’ Fgura, wera biċ-ċar li fi żmien ta’ maltemp lest ixammar il-kmien u jaqdef miegħek. Barra minn hekk, kowċ Kevin dejjem wera interess fil-ħajja personali tal-plejers, fejn fehem u kien konsiderevoli tal-prijoritajiet oħra tal- ħajja lil hinn mill-futbol.

U fuq il-kumitat immexxi mill-president, Larkin Bonnici?

Il-kumitat immexxi mill-president Larkin Bonnici huwa msawwar minn grupp ta’ nies ġenwini u volontarji li jagħtu ħafna għall-klabb mingħajr qatt ma jistennew xejn lura. Dawn in-nies huma l-identità tal-klabb li jikkultivaw atmosfera ta’ għaqda u armonija unika.   

Il-president Larkin Bonnici huwa bniedem umli li jaħdem ħafna minn wara l-kwinti biex il-klabb jimxi ‘l quddiem kemm fl-aspett kalċistiku u kif ukoll dak soċjali. Grazzi għal diversi inizjattivi, il- Fgura United mhuwiex sempliċiment klabb tal-futbol, imma huwa wkoll komunità li tħaddan edukazzjoni u ambjent soċjali pożittiv.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek ma’ St George’s FC.

L-esperjenza tiegħi ma’ St George’s FC kienet waħda fundamentali u pożittiva għalija bħala plejer. Kien ma’ St George’s FC fejn fl-età t’20 sena bdejt nilgħab b’mod regolari mat-tim tal- kbar, u wara tliet snin mal-klabb irbaħna l-kampjonat proprju kontra Fgura United fejn ġejna promossi għall-ewwel diviżjoni. Din tibqa’ waħda mill-isbaħ memorji tiegħi fil-futbol li għenitni wkoll nagħmel qabża fil-karriera, fejn sussegwentament bqajt nilgħab regolari fl-ewwel diviżjoni.   

U dik fil-beach soccer, fejn lgħabt anke bil-flokk tat-tim nazzjonali Malti.

Il-Beach Soccer huwa sport sabiħ ħafna u kompletament differenti mill-futbol, fejn fih kelli x-xorti nirrappreżenta t-tim nazzjonali Malti. Kelli x-xorti wkoll li kont parti mit-tim li rebaħ il-kampjonat lokali f’Malta fis-sena 2022. Ftit xhur wara kelli l-ewwel esperjenza man-nazzjonal lil hinn minn xtutna, ġewwa l-Moldova, fejn għall-ewwel darba ġie ffurmat tim nazzjonali Malti tal- Beach Soccer li ħa sehem f’kompetizzjoni Ewropea. Minkejja li f’din il kompetizzjoni lgħabna ma’ timijiet stabbiliti u ferm aktar esperjenzati minna, ġibna riżultati pożittivi u inkoraġġanti ħafna. It- tieni esperjenza tiegħi man-nazzjonal kienet fl-2023 fil-kwalifikazzjoni tal-Beach Soccer World Cup li seħħet f’Baku ġewwa l-Ażerbajġan. Li tilgħab fuq spettru internazzjonali u tirrappreżenta ‘l pajjiżek hija esperjenza unika u memorabbli li żgur ser inġorrha miegħi tul ħajti kollha.   

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-futbol għalija huwa importanti ħafna f’ħajti. L-imħabba għal dan l-isport li kelli sa minn meta kont tifel żgħir baqgħet tikber miegħi u għadni ngħożżha bl-istess passjoni sal-lum. Ix-xewqa tiegħi hija li nibqa’ nilgħab kemm niflaħ u li dejjem nagħmel differenza pożittiva fl-ambjent li nkun fih. Naturalment, hemm diversi ċirkostanzi li jaf jaffettwaw il-futur tal-karriera tiegħi, però rrid nimxi ġurnata b’ġurnata u nibqa’ nagħmel l-almu tiegħi biex nilħaq dan it-tragward. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jaghmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Nemmen li trid tibda billi jkollok imħabba vera għall-isport u li għaliha tkun lest tagħmel diversi sagrifiċċji biex tasal. Biex tagħmel karriera ta’ suċċess trid tibqa’ temmen fik innifsek u tibqa’ kommess anka fi żmien fejn l-affarijiet ma jkunux sejrin tajjeb. Sfortunatment, fil-ħajja mgħaġġla u esiġenti tal-lum, l-isport ġieli jiġi meqjus bħala xkiel jew telf ta’ ħin, speċjalment fi żminijiet ibsin ta’ studju jew ta’ ħidma. Dan m’għandux ikun, u kollox għandu jingħata l-importanza li ħaqqu. L-isport inġenerali kapaċi jagħtik sodisfazzjon u mumenti uniċi li ma ssibhom mkien aktar.   

Finalment nemmen, li apparti dan kollu li semmejt, biex verament jirnexxielek tkabbar il-karriera tal-futbol tiegħek, trid dejjem tkun umli, lest li tibqa’ titgħallem u taħdem fuqek innifsek minflok tipponta subgħajk lejn ħaddiehor. Trid tipprova tikkontrolla biss dak li għandek kontroll fuqu int, u ma ssibx skużi jew twaħħal f’affarijiet inkontrollabli, sabiex b’hekk trawwem mentalità ta’ rebbieħ! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport