Is-sewwieq tal-mutur ta’ 54 sena, Deider Vink, li tilef ħajtu wara jumejn mill-aċċident ikrah li kellu fil-Mellieħa meta baqa’ dieħel fi skip li kien fuq il-post allegatament bla permess fil-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, kien maħbub ħafna mill-qraba u l-ħbieb kif ukoll kien magħruf sew fost il-komunità tal-bikers lokali. Proprju biex tkun onorata ħajtu u titfakkar il-memorja tiegħu, fit-28 ta’ Diċembru se ssir bike ride għal ġbir ta’ fondi. Din hija ppjanata li tibda minn Mater Dei u tieqaf fil-post li kien jiffrekwenta ħafna Vink, il-Pitstop fix-Xemxija. Barra din l-attività, ittellgħet ukoll paġna għal aktar ġbir ta’ fondi, “A GoFundMe page” intitolata “Justice for D (Deiter)” .
Vink kien iħobb ħafna dan il-mezz ta’ trasport u xhieda ta’ dan huwa l-fatt li kien dejjem bil-mutur tiegħu u l-paġna r-ritratt ewlieni fuq il-profil tiegħu tal-Facebook kien proprju l-mutur li sfortunatament kellu l-inċident bih.
Il-familja u l-ħbieb ta’ Vink ħadu l-aħbar tal-inċident u sussegwentement il-mewt tiegħu, bil-kbir ħafna. Barra l-fatt li dan is-sewwieq tal-mutur kien maħbub ħafna grazzi għan-natural tiegħu deskritt bħala “raġel ġenwin u twajjeb ħafna”, kien irrapportat li l-iskip li ħabat miegħu allegatament ma kellux permess. Dan wassal għal rabja u mistoqsijiet kif jistgħu jitħallew isiru dawn l-irregolaritajiet meta jistgħu, kif effettivament ġara, jiswew il-ħajja tan-nies.
Iridu ġustizzja
Issa hemm talba biex tintrefa’ responsabbiltà b’mod partikolari minn poġġa l-iskip hemm. Il-“GoFundMe page” għal Deider għandha l-għan li jinġabru flus għall-kremazzjoni kif ukoll għal spejjeż legali li se jidħlu fihom il-qraba li jridu ġustizzja għal din it-telfa kerha. Dan anke jekk hemm bżonn jibdew battalja legali. Il-paġna tgħid li, “minħabba inkompetenza mingħajr permess maħruġ għal xogħlijiet, skip tpoġġa f’inżul ix-xemx fil-karreġġjata ta’ ġewwa mingħajr ma kien hemm dawl fuqu, f’bypass bieżel u f’tidwira f’niżla… Dieder miet l-għada ta’ għeluq snin oħtu”.
Mill-informazzjoni fuq din il-paġna jingħad li l-ispiża għall-kremazzjoni huma ta’ mill-inqas €6,000 u l-familja ma tiflaħx għal din l-ispiża. Dan barra li jingħad li l-ispejjeż tal-avukat għadhom mhumiex magħrufa. Filwaqt li l-persuna li qiegħda tieħu ħsieb din il-paġna rringrazzjat lil kull min qiegħed jgħin, fakkret li kull għajnuna, żgħira kemm hija żgħira, b’mod kollettiv tgħin ħafna. Sal-bieraħ filgħodu kienu diġà kkontribwew 111 donaturi fejn inġabru £3,512, ekwivalenti għal 35% mit-total tal-mira li hija £10,000.
Vink kien oriġinarjament jismu Richard Holmes u kien minn Yorkshire. Huwa kien ilu jgħix f’pajjiżna mis-snin disgħinijiet u kellu ħafna ħbieb. Fl-inċident huwa sofra ġrieħi gravi f’rasu barra fost l-oħrajn ksur f’idejh, ksur fil-kustilji, tbenġil u ħsara interna.