Sunday, December 22, 2024

BILANĊ BEJN L-INTERESSI TAR-RESIDENTI U L-IŻVILUPP

Aqra wkoll

Illum ferm u ferm aktar minn qatt qabel, għandna l-argument hu dibattut b’mod regolari dwar il-bżonn li f’pajjiżna kun hawn bilanċ bejn l-interssi tar-residenti u dawk tal-iżvilupp. Fl-aħħar snin rajna progress kbir għaddej bi proġetti kbar ta’ infrastruttura li trid u ma tridx se jħallu impatt u xi inkonvenjenzi se joħolqu.

Ma’ dawn imbagħad hemm id-domanda kbira għal bini. Domanda li ġejja minn sezzjonijiet sħaħ tal-pubbliku, li investew flushom fit-tieni residenza u aktar.
F’pajjiżna għandna ħafna żviluppaturi li huma responsabbli, imma magħhom sfortunatament għad hawn min jaħseb li għax għandu permess ta’ żvilupp jista’ jagħmel li jrid.

Sfortunatament għandna min jaħseb li jista’ jibni anke f’żoni ODZ jew f’nofs il-widien. F’pajjiżna llum għandna sitwazzjoni fejn tista’ tgħid li kulħadd qed jara u jmiss b’idejh l-iżvilupp li għaddej. Dan l-iżvilupp huwa xhieda tat-tkabbir u progress li għaddej.

Dan kollu iżda ma jfissirx li ma jkollux il-prezz tiegħu fuq il-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. Minħabba dan hu kruċjali li jkun hemm bilanċ. Irid ikun hemm bilanċ, li kemm jista’ jkun ikun wieħed ekwu bejn l-investimenti li qed isiru u allura kull ħaġa abbinata magħha u l-interessi u s-salvagwardja tal-familji fejn dawn għandhom jgħixu bl-aħjar mod fi djarhom ‘il bogħod minn kull periklu u ‘l bogħod minn kull ambjent li jista’ jkun ta’ dannu għal saħħithom.

Għal ħafna snin, ittieħdu deċiżjonijiet li ħallew impatt kbir fuq ir-residenti ta’ madwar attivitajiet industrijali. In-nuqqas ta’ sensittivita’ lejn il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies kienet ġiet skartata.

Illum għalhekk hemm żewġ tipi ta’ sfidi li rridu nindirizzaw: minn banda irridu naraw kif insibu soluzzjonijiet għal impatt kawżat minn attivitajiet li inbdew matul is-snin u minn oħra, irridu naraw kif niżguraw li l-attivitajiet li qed jinħolqu llum jikkawżaw l-inqas impatt possibbli.

Irridu nsibu soluzzjonijiet li huma realistiċi maħsuba biex itejjbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Soluzzjonijiet li huma maħsuba biex itejbu l-kwalità tal-arja, miżuri biex l-industrija tuża teknoloġiji aktar avvanzati li jkollhom impatt inqas fuq il-madwar, sorveljanza akbar biex jiġi żgurat li jiġu osservati standards aqwa fl-attivitajiet varji li għandna f’pajjiżna.

Dan huwa dak li għandu jsir sabiex il-familji jkunu mħarsa u ma jkunux qed jgħixu f’xi forma ta’ periklu jew xi tipi ta’ ċirkustanzi li jistgħu jkunu ta’ periklu għalihom infushom.

Fuq kollox irridu naraw l-impatt mill-ħsejjes li tali xogħlijiet jagħmlu. Rapporti jsiru diversi ta’ ħsejjes qawwijin kontinwi, imma kemm qed isir infurzar? Filfatt din hi waħda mill-punt l-aktar dgħajfin li jeżistu.

L-infurzar dwaru jista’ jsir ferm u ferm aktar. Hu proprju dan li joħloq rabja fost in-nies. L-istess bħal meta xi ħadd jirrapporta, iżda dan ma jingħata ebda sodisfazzjon lura, ta’ x’passi ittieħdu, jekk ikunu ttieħdu. Nittamaw li dawn in-nuqqasijiet, li għan-nies ifissru ħafna nibdew nitrattawhom.

Ekonomija

Sport