Sunday, November 24, 2024

BILANĊ MEĦTIEĠ BEJN ID-DRITTIJIET TAN-NEGOZJI U D-DRITTIJIET TAĊ-ĊITTADIN

Aqra wkoll

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, b’mod sinifikanti ħafna, intefqu miljuni ta’ ewro biex saru promenades, pjazez, toroq pedonali u rranġar ta’ bankini tista’ tgħid fl-ibliet u l-irħula kollha madwar Malta u Għawdex.

Mhux l-inqas fiż-żamma tajba tal-bajjiet u xtajtiet tagħna. Iżda, minkejja kull titjib li sar bi proġetti bħal dawn, żgur ma nistgħux noqogħdu lura milli nsemmu l-ħażin li qed ikun hemm f’ċertu sitwazzjonijiet fejn sidien ta’ ristoranti mis-suba’ qegħdin jieħdu l-id.

Dan qed narawh ċar u ta’ kuljum permezz ta’ ħruġ bla kontroll ta’ mwejjed u s-siġġijiet fil-pjazez u f it-toroq, f’ċertu nħawi anki f’toroq dojoq.

F’dan ir-rigward ma nistgħux ngħidu li l-awtoritajiet mhuma jagħmlu xejn. Anzi, napprezzaw illi qed jittieħdu azzjonijiet u miżuri ta’ infurzar fejn ikun hemm l-abbuż. L-aktar każ riċenti kien dak ta’ Pjazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex, fejn kienet qed tinħoloq sitwazzjoni inaċċettabbli minħabba l-għadd ta’ mwejjed u siġġijiet li jinħarġu barra.

Dawn l-azzjonijiet regolatorji ma kinux ikunu possibbli mingħajr il-ħidma tal-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi.

Waqt li kien qiegħed jitkellem fil-Parlament, ħabbar li se jkun imġedded il-Masterplan dwar Pjazza San Ġorġ bil-għan li jinstab bilanċ adegwat bejn l-interessi tal-pubbliku u dawk li joperaw negozju f’din il-pjazza.

Il-Ministru kien sostna li hemm previst djalogu wiesa’ mal-entitajiet kollha involuti taħt l-awspiċju tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu biex tkun indirizzata l-kwistjoni tal-imwejjed u s-siġġijiet f’din il-pjazza u wkoll sabiex kulħadd jifhem il-limitazzjonijiet li jeżistu u x’hemm bżonn isir biex is-sitwazzjoni tiġi rimedjata mingħajr dewmien.

Dwar din il-problema li qiegħda ddejjaq lin-nies, kien tkellem ukoll b’mod b’saħħtu u emozzjonali ħafna l-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ, Monsinjur Joseph Curmi li semma kif qalbu tingħafas xħin jara familji waqt funerali u ma jkunux jistgħu jidħlu bit-tebut f il-knisja.

Il-Prim Ministru ukoll tkellem dwar din is-sitwazzjoni kerha ta’ Pjazza San Ġorġ f’Għawdex, meta waqt attività qalb in-nies f’Birżebbuġa, f’intervista mal-ġurnalist Reno Bugeja qanqal il-mistoqsija ta’ x’għandu jsir.

Il-Prim Ministru dakinhar kien enfasizza li l-komunità tan-negozju trid tifhem li dan mhux xi ‘witch hunt’ kontrihom, imma hija kwistjoni li fiha jrid jinstab il-bilanċ bejn iddritt tagħhom li jopera u jaqilgħu l-profitti leġittimi u d-dritt taċ-ċittadini li jkollhom aċċess ħieles għall-mixi fit-triq.

Quddiem dan kollu, fi ftit kliem, insostnu li d-drittijiet taċ-ċittadini m’għandhomx jintemmu mal-bidu tad-drittijiet tan-negozji. Għalhekk nisħqu li l-bilanċ u r-responsabbiltà huma meħtieġa u għandhom jimxu id f’id għat-tgawdija u s-sodisfazzjon ta’ kulħadd.

Sport