Sunday, October 18, 2026
Home Fehmietna It-triq tal-gwerra fl-Ukrajna ssir dejjem aktar diffiċli

It-triq tal-gwerra fl-Ukrajna ssir dejjem aktar diffiċli

0
63

Ninsabu erba’ xhur bogħod minn meta l-kunflitt fl-Ukrajna jagħlaq ħames snin. Snin li fihom rajna attakki ma jaqtgħu xejn minn naħa u minn oħra. Kunflitt li fih għall-ewwel darba rajna lill-Unjoni Ewropea mhux taħdem biex tinstab il-paċi, imma tinvolvi ruħha ma’ naħa u tipprovdi għajnuna biex tkun tista’ tiġġieled. Biex ittawwal il-kunflitt. Rajna ukoll għal ammont ta’ żmien l-Istati Uniti kienet qiegħda tgħin lill-istess Ukrajna.

Fl-aħħar jiem imma rajna żvilupp ieħor. Rajna lil Trump ipoġġi l-interessi tal-Istati Uniti qabel il-paċi u l-Ewropa.  Fl-aħħar jiem intbagħat sinjal mill-Istati Uniti. Sinjal li ħafna interpretawh bħala li qed tkisser  ir-relazzjonijiet tagħha mal-Ukrajna u mal-Ewropa. Dan hu bil-ftehim dwar id-dijżil bejn Trump u Putin. Hu ftehim li bla dubju ta’ xejn qiegħed ikabbar id-distakk bejn l-Istati Uniti minn naħa, u Brussell u Kyiv min-naħa l-oħra.

Dan hu ftehim li qiegħed ipoġġi pressjoni enormi fuq l-Unjoni Ewropea.  Pressjoni li turi kemm kien żmien mitluf u kemm kienu deċiżjonijiet żbaljati dawk meħudin mill-Unjoni Ewropea u l-mexxejja tagħha li jkomplu jfornu lill-Ukrajna biex tiġġeieled il-gwerra u ttawwal kemm jista’ jkun. Kien żmien moħli għax flok ippruvat tressaq liż-żewġ naħat lejn xulxin, flok ippruvat issib soluzzjoni,  ħadmet biss biex tara li jitwal il-kunflitt.  Unjoni Ewropea li la kellha u m’għandha ebda strateġija dwar dan il-kunflitt.  Ebda viżjoni għall-futur jew idea ċara ta’ kif għandhom jinnegozjaw. 

Wieħed ma jridx jinsa li l-Istati Uniti tinsab riesqa lejn l-elezzjonijiet ta’ nofs il-leġislatura. M’hemmx dubju li bil-ftehim tal-Istati Uniti mar-Russa, l-għan ewlieni ta’ Trump kien li jikseb aktar appoġġ u jsolvi l-problemi marbutin mal-prezzijiet tal-fjuwil. Dan waqt li fl-Ewropa qegħdin naraw kaos sħiħ fejn jidħlu provvisti b’imblokki u protesti fl-Italja u prezzijiet dejjem jogħlew f’pajjiżi oħra Ewropej.

Waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li dan l-aħħar ħolqot tħassib fost l-opinjoni pubblika Amerikana kienet iż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil. Dawn jaffettwaw il-mobilità taċ-ċittadini, jiġifieri l-użu tal-karozzi, iżda għandhom impatt saħansitra akbar fuq is-settur agrikolu Amerikan kollu. U huwa proprju f’dawn iż-żoni rurali u agrikoli tal-Amerika li Trump dejjem kiseb appoġġ konsiderevoli.

Madankollu l-appoġġ tiegħu naqas sew wara l-bidu tal-operazzjonijiet kontra l-Iran. Dan seħħ proprju minħabba ż-żieda fil-prezzijiet taż-żejt u, fuq kollox, minħabba d-diffikultajiet akbar biex jinkisbu l-provvisti. M’hemm ebda dubju li l-ftehim. mar-Russja għall-fjuwil sar biex itaffi minn din il-kriżi u jerġa’ jsaħħaħ l-appoġġ.

U waqt li sar dan illum it-triq tal-gwerra fl-Ukrajna saret triq li diffiċli ħafna li wieħed idur lura minnha. Il-kunflitt seta twaqqaf fl-2022 meta bdew in-negozjati fil-Belarussja u wara fit-Turkija. Madankollu, dak iż-żmien l-Ewropa kienet għadha qed issegwi l-illużjoni kbira li r-Russja setgħet tiġi megħluba fil-kamp tal-battalja. Illum kollox jindika li dak kien kalkolu żbaljat.  Illum it-triq tal-paċi tidher dejjem aktar diffiċli bir-riskji kollha li dan iġib miegħu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here