Qed isir progress sostanzjali fuq ix-xogħlijiet ewlenin fi Sqallija relatati mat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija (IC2). Dan filwaqt li kien hemm żviluppi oħra importanti relatati ma’ dan il-proġett.
Fil-fatt, il-manifattura tas-submarine cable tal-IC2 tlestiet. It-tagħbija tiegħu fuq il-bastiment f’Charleston hi mistennija f’Diċembru u wara huwa ppjanat li jibdew ix-xogħlijiet għat-tqegħid tal-cable f’qiegħ il-baħar.

Bħalissa, f’Ragusa, viċin il-Porto Turistico, għaddejjin it-tħejjijiet biex isiru xogħlijiet ta’ tħaffir permezz tat-teknika magħrufa bħala Horizontal Directional Drilling (HDD). Dawn ix-xogħlijiet jinvolvu skavar ta’ mina twila madwar 300 metru, b’dijametru ta’ 800 millimetru. Il-mina se tippermetti li s-submarine cable jgħaddi minn qiegħ il-baħar għall-infrastruttura fuq l-art, filwaqt li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti ambjentali u dawk fuq iż-żona kostali.
Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-cable ta’ fuq l-art riesqa lejn il-fażi finali. Madwar 92% mir-rotta ta’ 21 kilometru ta’ cable ta’ vultaġġ għoli li qed jitqiegħed fuq l-art fi Sqallija diġà tlestiet, u fadal biss l-aħħar 1.7km. Din il-parti tax-xogħlijiet se titlesta wara li jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-mina, biex tkun tista’ ssir il-konnessjoni bejn il-cable ta’ taħt il-baħar u dak ta’ fuq l-art.
It-tagħrif dwar l-aħħar żviluppi minn Interconnect Malta u mid-diversi kuntratturi involuti fit-twettiq tal-proġett ingħata lill-ġurnalisti fi żjara fuq il-post f’Ragusa, fejn preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli.
Din iż-żjara saret wara t-tifi temporanju tal-ewwel interconnector (IC1), li kien meħtieġ biex tkun tista’ titwettaq fażi kritika ta’ xogħlijiet fit-Terminal Station ta’ Ragusa u fl-infrastruttura relatata mat-tlestija tal-IC2.
Il-Ministru Dalli ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ Nexans, il-kuntrattur responsabbli mill-manifattura u l-installazzjoni tas-submarine cable li se jgħaqqad lil Malta ma’ Sqallija, kif ukoll ma’ rappreżentanti ta’ SELT S.p.A., il-kumpanija responsabbli mill-installazzjoni ta’ madwar 21 kilometru ta’ cable ta’ vultaġġ għoli taħt l-art fi Sqallija.
Iż-żjara ntemmet fit-Terminal Station ta’ Ragusa, fejn il-Ministru ltaqgħet ma’ rappreżentanti ta’ Terna Energy Solutions, li qed iwettqu xogħlijiet infrastrutturali estensivi meħtieġa biex l-IC2 jiġi integrat fin-network tat-trażmissjoni tal-elettriku tal-Italja.

Ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa jinkludu l-kostruzzjoni tal-pedamenti għal hybrid switchgear mgħammar b’sistema ta’ iżolazzjoni bil-gass, l-installazzjoni ta’ trinek għal cables li jgħaqqdu l-iswitchgear mar-reattur il-ġdid ta’ 220 kV li diġà ġie installat, kif ukoll il-kostruzzjoni ta’ ħitan addizzjonali għall-protezzjoni kontra n-nar.
Fil-kummenti tagħha, il-Ministru Dalli qalet li l-progress li qed isir fuq aspetti differenti tax-xogħol juri l-kobor u l-kumplessità ta’ dan il-proġett ta’ importanza strateġika. Hija żiedet tgħid li t-tieni interconnector huwa komponent ewlieni tal-istrateġija tal-enerġija ta’ Malta fit-tul.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv ta’ Enemalta, l-Inġ. Ryan Fava, enfasizza li l-IC2 se jipprovdi aktar flessibbiltà u kapaċità lis-sistema tal-elettriku, jiffaċilita l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jgħin biex tinżamm provvista affidabbli hekk kif tikber id-domanda għall-elettriku.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson ta’ Interconnect Malta, il-Perit Godwin Agius, irrikonoxxa l-kollaborazzjoni diversi kuntratturi internazzjonali, operaturi tan-netwerks tal-elettriku u speċjalisti tekniċi oħra, li kienet essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-proġett.

