Il-passi kriminali kontra Milenovic idaħħlu lil Repubblika fi sqaq

F’Awwissu Robert Aquilina kien qal illi li jgħoddu huma s-sentenzi tal-Qrati

Aqra wkoll

L-ordni tal-Qorti kmieni din il-ġimgħa sabiex il-Pulizija tiehu passi kriminali kontra Miroslava Milenovic b’rabta mal-inkjesta Vitals, daħħlet lill-għaqda Repubblika u magħha lin-nutar Robert Aquilina fi sqaq.  Kien Aquilina nnifsu li fis-17 ta’ Awwissu li għadda, kiteb illi ‘fl-aħħar mill-aħħar jgħoddu l-fatti u s-sentenzi tal-Qrati’. Meta iżda nhar it-Tlieta kien hemm is-sentenza tal-Imħallef Conseulo Scerri Herrera dwar Milenovic, n-nutar Aquilina minnufih ħareġ jikteb li ma jaqbel xejn mal-istess sentenza u żied li hemm ħafna xi tgħid fuqha. Minkejja dan iżda imbagħad ma kitibx kelma waħda dwar l-istess sentenza.

Jiftaħar li hu estremist

Nhar il-Ħamis l-istess Aquilina, li ftit jiem ilu ħeġġeġ lin-nies jibdew kampanji ta’ diżubbidjenza ċivili, kompla jirrikorri għal iktar dikjarazzjonijiet u kiteb dwar dawk li sejjaħ bħala l-forzi tad-dlam f’pajjiżna u li hemm bżonn li n-nies jagħżlu t-triq tas-sagrifiċċji kbar u ta’ riskji. Ikkwota lill-eks Kap Nazzjonalista Eddie Fenech Adami li skont huwa kien jagħżel li jissogra ħajtu ta’ kuljum. 

Ikkritika dik li sejjaħ bhala ‘li nkunu soft’ waqt li talab lin-nies biex ma jibżgħux meta jgħidulhom li huma estremisti. Waqt li ħeġġeġ lin-nies biex jarmaw ruħhom b’doża qawwija ta’ determinazzjoni, saħaq li ‘irridu ninsew il-fissazzjoni li nkunu politically correct’.

Minkejja li iktar mna jgħaddi żmien qed joħorġu iktar fil-beraħ in-nuqqasijiet kbar fil-mod kif tmexxiet l-inkjesta Vitals, Aquilina ħass li kellu jiddefendi lill-Maġistrat Gabriella Vella li sejjħilha bħala wahda minn dawk il-‘persuni li wettqu dmirhom lejn is-soċjetà b’kuraġġ u lealtà. Għalia l-Maġistrat Vella qed tigi ppersegwitata u rari ssib ħajt ta’ kenn.

Fil-kitba tiegħu Aquilina għażel ukoll li b’mod indirett jattakka lil Alex Borg u lill-PN meta kiteb li ‘min għandu d-dmir jitkellem u jieħu azzjoni quddiem’ dak li allega li huwa ‘l-abbuż, sikwit jibqa’ ħalqu magħluq’. Ftit ġimgħat ilu esponent ewlieni ieħor ta’ Repubblika, Jason Azzopardi ukoll kellu kliem iebes ħafna kontra d-deputati tal-PN. ‘Rabbu par. Ibnu sinsla. U ieqfu timxu fuq it-tajjar u l-bajd’, wissihom l-eks Ministru ta’ GonziPN. L-avukat ta’ Repubblika kien anki appella lill-PN biex jibbojkottja l-Parlament.

Joseph Muscat qatt ma ssemma

Kienet Repubblika li f’Mejju tas-sena 2019 talbet li tinfetaħ inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet. F’Lulju l-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet laqgħet din it-talba. Fl-appell minn din it-talba iżda, l-Imħallef Giovanni Griscti kien sab li ma kienx hemm bażi biex tinfetaħ inkjesta għax fi kliemu Repubblika kienet ibbażat it-talba tagħha fuq ‘ġabra ta’ opinjonijiet minn ġurnalisti u bloggers’. 

F’Novembru izda l-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-tieni talba ta’ Repubblika għax kienet qalet li l-argument li din l-għaqda ma resqitx provi ta’ korruzzjoni ma jgħoddx għax żiedet li l-provi kellhom jinġabru fl-inkjesta. Fiż-żewġ talbiet originali ta’ Repubblika imkien ma kien issemma l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Fuq il-bażi tat-talba ta’ Repubblika, il-Magistrat Gabriella Vella fetħet l-inkjesta. Bhala ma jiġri dejjem, il-Maġistrat Vella ħatret numru ta’ esperti, bl-espert ewlieni jkun Jeremy Harbinson. Għal dan ix-xogħol Harbinson tħallas €11-il miljun iżda issa ilu sentejn u nofs jirrifjuta li jixhed. Fost l-esperti li assistewh kien hemm Miroslava Milenovic li f’Ottubru 2019 kienet inħatret bħala ‘forensic accountant’.

Laqgħa miċħuda

F’Novembru 2021, meta ma kienx għadu Prim Ministru u meta l-inkjesta kienet ilha sentejn li infetħet, Repubblika ressqet talba biex ikun investigat Joseph Muscat. B’differenza mis-soltu iżda Repubblika ma kitbitx lill-Maġistrata Gabriella Vella li kienet qed tmexxxi l-inkjesta sabiex ikun investigat Dr Muscat, ghaliex kieku saru hekk il-Maġistrata kien ikollha tibgħat kollox għand Maġistrat differenti biex issir inkjesta ġdida.

Minflok, Repubblika kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija. Skont il-proċedura li tkun segwita f’talbiet bħal dawn il-Kummissarju kellu jmur għand il-Maġistrat tal-Għassa, Maġistrat differenti mill-Maġistrata Vella, sabiex tinfetaħ investigazzjoni ġdida. Repubblika għażlet li timxi b’dan il-mod għax, kif eventwalment ħareġ minn xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija fil-Qorti, il-Maġistrata Vella kienet qalet lill-istess Kummissarju sabiex jinfurmaha b’kull ħaġa rigward il-konċessjoni tal-isptarijiet. Għalhekk meta waslet għandu t-talba ta’ Repubblika dwar l-eks Prim Ministru, l-Kummissarju informa lill-Maġistrat Vella li qaltlu sabiex jimxi fuq id-direzzjoni tagħha. Dr Muscat kien talab biex jiltaqa’ mal-Maġistrata Vella biex jagħtiha l-informazzjoni kollha dwar artiklu li kien ippublikat dwaru f’The Times b’dettalji suppost kundfidenzjali li kienu qed jinġabru għall-inkjesta. Din it-talba iżda ma intlaqgħet qatt. Minflok, xahrejn qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2022, l-istess Maġistrat ordnat hija personalment li ssir tfittxija fid-dar ta’ Dr Muscat. 

Aquilina kien mar Burmarrad

Meta saret din it-tfittxija, li suppost ħadd ma kien jaf biha, quddiem id-dar f’Burmarrad kien hemm mhux biss ġurnalista ta’ The Times iżda saħansitra anki n-nutar Robert Aqulina nnifsu li wara kien qal li waqt li kien qed jieħu kafe sar jaf li kienet qed issir it-tfittxija u mar jara b‘għajnejh fejn saq quddiem id-dar tal-eks Prim Ministru u ipparkja mitejn metru ‘l bogħod.

Fil-bidu ta’ Mejju 2024, xahar biss qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-Maġistrat Gabriella Vella ppublikat l-inkjesta. F’dan il-mument Miroslava Milenovic kienet ħadet ġurament li bħala ‘forensic accountant’ kienet qdiet fedelment onestament u fl-aħjar abilità l-inkarigu tagħha. Lejn tmiem Mejju imbagħad tressqu numru kbir ta’ persuni quddiem il-Qorti, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, akkużati b’reati mill-iktar serji.

Bla degree u bla warrant

Meta bdew il-proċeduri fil-Qorti, fit-12 ta’ Novembru kienet telgħet tixhed Milenovic. Kien ħareġ li hija tqabbdet tagħmel ix-xogħol ta’ ‘forensic accountant’ meta la għandha degree fl-accounts u lanqas kellha warrant ta’ accountant mill-Accountancy Board, xi ħaġa li kellha bżonn bil-fors skont il-liġi f’Malta. Immedjatament Dr Muscat talab lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jiftaħ investigazzjoni. Kważi sena u nofs wara l-Korp tal-Pulizija wieġeb li ma kienx hemm bażi li fuqha għandha tkun investigata Milenovic. Fid-dawl ta’ dan, l-eks Prim Ministru fetaħ kawża biex il-Qorti tirrevedi din id-deċiżjoni. 

Matul il-proċeduri kien sar magħruf li f’rapport intern l-iSpettur Joe Mercieca li kien intalab jinvestiga t-talba ta’ Dr Muscat, kien kiteb li din it-talba kienet biss stunt legali biex tiġbed l-attenzjoni tal-media u tikseb xi punti dwar il-kwistjoni tal-kredenzjali jew in-nuqqas tagħhom fir-rigward ta’ Milenovic. L-iSpettur kien kompla jiddeskrivi t-talba tal-eks Prim Ministru bħala fl-aħjar każ, esaġerata wisq u fl-agħar każ, ereżija legali. L-iSpettur Mercieca kien qal li la darba lil Milenovic qabbduwha diversi Magistrati, ma kienx hemm lok li wieħed imexxi.

Fl-istess proċeduri iċ-Chairman tal-Accountancy Board Edgar Borg kien xehed illi sabiex persuna tkun tista’ tgħid li hija ‘forensic accountant’, fl-ewwel post trid tkun accountant. Is-Segretarju tal-Accountancy Board, Joseph Schembri Kamm minn naha tiegħu kien xehed li Milenovic qatt ma kellha warrant ta’ accountant f’Malta u qatt ma appikat biex tingħata warrant. Kienet anki giet ipprezentata korrispondenza fejn l-Accountancy Board kien qal lill-iSpettur Mercieca li Milenovic ma setgħetx taqdi l-funzjoni ta’ accountant f’Malta. 

Ordnati passi kriminali 

Fis-17 t’Awwissu iżda l-Magistrat Franco Agius ma kienx laqa t-talba ta’ Dr Muscat. L-eks Prim Ministru kien qal minnufih li kien se jappella, bis-sentenza mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tingħata nhar it-Tlieta. L-Imħallef Scerri Herrera qalet b’mod mill-iktar ċar illi Milenovic m’għandix iċ-ċertifikazzjoni necessarja sabiex toffri s-servizzi ta’ accountant.

Fuq din il-bażi sabet li hemm provi biżżejjed biex titressaq il-Qorti fuq spergur, jiġifieri illi gidbet fil-Qorti, li ħadet ġurament falz, li għamlet użu minn dokumenti foloz, li tat tagħrif falz lil awtorità pubblika kif ukoll għal reati oħra li jistgħu jirriżultaw mill-istħarriġ u l-investigazzjoni tal-Pulizija.  Waqt li sabet illi għamlet dan b’mod kontinwu l-Imħallef qalet li jekk tinstab ħatja għandu jkun hemm interdizzjoni tagħha mill-funzjonijiet pubbliċi. 

Fis-sentenza tagħha l-Imħallef Scerri Herrera qalet li mill-korrispondenza mal-Accountancy Board joħroġ bl-iktar mod ċar illi Milenovic ma kelliex ic-certifikazzjoni necessarja sabiex toffri s-servizzi ta’ accountant u I-Pulizija kienet taf dan għax kienet fil-pussess ta’ din il-korrispondenza. Irrimarkat illi I-Pulizija għal raġuni jew oħra, minkejja l-konferma permezz ta’ din il-korrispondenza, naqset milli tinvestiga l-ksur jew le tal-Att dwar il-Professjoni tal-Accountancy minn naha ta’ Milenovic.

L-Imħallef qalet li kien il-kompitu tal-Pulizija u ta ħadd iktar Ii tagħmel il-verifiki u l-istħarriġ neċessarju meta ġew allegati reati fil-konfront ta’ Milenovic. Kompliet li kien jispetta lill-Pulizija illi ma tistrihx jew agħar minn hekk li tagħmel assunzjonijiet bħal dawk li ddikjara I-lspettur Mercieca. Fuq ordni tal-istess Imħallef, id-digriet tagħha intbagħat lill-Kummissariu tal-Puliziia sabiex iiġi żgurat illi f’ċirkostanzi simili ikun hemm aktar responsabbiltà u diliġenza minn naħa tal-Pulizija.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport