Il-Budget 2027 mistenni jkun wieħed li jolqot lil kulħadd, għaliex id-deċiżjonijiet li jittieħdu f’dan il-qasam għandhom effett dirett fuq il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini, il-familji, il-ħaddiema, il-pensjonanti u n-negozji.
Huwa għalhekk importanti li l-miżuri li jitħabbru jkunu jindirizzaw il-ħtiġijiet tan-nies f’kull stadju ta’ ħajjithom, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-ekonomija u joħolqu aktar opportunitajiet għal kulħadd.
Budget ma għandux jitqies biss bħala dokument finanzjarju li jistabbilixxi d-dħul u l-infiq tal-pajjiż, iżda bħala għodda li permezz tagħha jiġu stabbiliti l-prijoritajiet għall-futur.
Mill-għoli tal-għoli tal-ħajja sal-pagi, mill-pensjonijiet sal-investiment fl-edukazzjoni u s-saħħa, kull deċiżjoni tista’ tħalli impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-miżuri jkunu mfassla b’mod li jilħqu realtajiet differenti u joffru sostenn lil dawk li l-aktar għandhom bżonnu.
Il-familji għandhom bżonn stabbiltà u serħan il-moħħ biex ikunu jistgħu jkomplu jlaħħqu mal-ispejjeż ta’ kuljum, filwaqt li l-ħaddiema jistennew kundizzjonijiet li jirriflettu l-kontribut tagħhom lis-soċjetà. Fl-istess waqt, il-pensjonanti jistħoqqilhom għajxien dinjituż, iż-żgħażagħ għandhom jingħataw aktar opportunitajiet biex jibnu l-futur tagħhom, u n-negozji għandhom bżonn ambjent li jħeġġeġ l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi. Dawn huma aspetti differenti li kollha għandhom posthom fid-diskussjoni dwar il-Budget.
Huwa importanti wkoll li l-investiment ikompli jkun immirat lejn servizzi pubbliċi ta’ kwalità, fosthom is-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport u l-infrastruttura. Dawn huma setturi li jolqtu direttament lill-pubbliku u li għandhom rwol ewlieni fit-tisħiħ tal-kwalità tal-ħajja. Fl-istess waqt, jeħtieġ li kull miżura tittieħed b’responsabbiltà finanzjarja, sabiex il-pajjiż ikun jista’ jkompli jiżviluppa mingħajr ma jittraskura l-isfidi ekonomiċi li jistgħu jinqalgħu fil-futur.
Il-Budget 2027 għalhekk nemmnu li għandu jkun opportunità biex jiġu diskussi mhux biss il-ħtiġijiet tal-lum, iżda wkoll il-prijoritajiet li se jiddeterminaw il-ħajja tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-għan għandu jkun li l-iżvilupp ekonomiku jimxi id f’id mal-ġustizzja soċjali, u li l-frott tat-tkabbir tal-pajjiż ikun jista’ jinħass f’oqsma differenti tas-soċjetà.
Fl-aħħar mill-aħħar, il-Budget jolqot lil kulħadd għaliex kull persuna għandha l-ħtiġijiet u l-isfidi tagħha. Għalhekk, id-diskussjoni dwar il-Budget 2027 għandha tiffoka fuq miżuri konkreti, sostenibbli u mfassla skont ir-realtajiet tan-nies, sabiex ikunu jistgħu jtejbu l-għajxien tagħhom u jħarsu lejn il-futur b’aktar serħan il-moħħ.
Il-kejl tal-effettività ta’ Budget ma għandux ikun biss fiċ-ċifri li jitħabbru, iżda wkoll fid-differenza reali li l-miżuri jkunu kapaċi jagħmlu fil-ħajja ta’ kuljum.




